Sewwieq ta’ 32 sena residenti Ħal Luqa sofra ġrieħi gravi wara ħabta li seħħet ilbieraħ, għall-ħabta tal-10:10pm, fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr.
Irriżulta li s-sewwieq tilef il-kontroll tat-Toyota Vitz, bil-konsegwenza li l-karozza marret fuq il-karreġġjata opposta fejn ħabat f’ħajt u ma’ Citroen C4 li kienet misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti l-Mellieħa.
Is-sewwieq ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, waqt li s-sewwieq tas-Citroen ma weġġax.
Il-Pulizija għaddeja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.