Taħt id-direzzjoni ta’ Jean Paul Attard, flimkien mal-Assistent Direttur u pjanista Roanna Vella, il-kor St Monica Vocal Ensemble u l-Vancouver Island Choir mill-Kanada, immexxija minn Patricia Plumley u akkumpanjati mill-pjanista Andrea Lahmer, se jkun organizzat “Voices of Two Islands” – kunċert konġunt b’risq Hospice Malta. Dan l-avveniment tant mistenni se jittella’ nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, 2024, fis-sala Robert Samut, fil-Furjana.
Il-kunċert jiżvolġi bil-Vancouver Island Choir jippreżenta diversi siltiet, fosthom Fa Una Canzone, Kyrie (Antonio Lotti), Ecco Mormorar l’Onde, The Prayer u Didn’t My Lord Deliver Daniel. Wara dawn is-siltiet, il-Vancouver Island Choir flimkien mal-kor St Monica Vocal Ensemble ser ikantaw flimkien Nella Fantasia tal-kompożitur magħruf Taljan Ennio Morricone.
Fit-tieni parti tal-programm, il-kor St Monica Vocal Ensemble se jkun qed ikanta diversi siltiet, fosthom What a Wonderful World, akkumpanjati minn Nicholas Busuttil fuq it-trumbetta, Bella Ciao, Irish Blessing, Da Pacem Domine, u s-silta popolari Hallelujah ta’ Leonard Cohen.
Hekk kif is-serata tasal fi tmiemha, il-Vancouver Island Choir jippreżenta A Canadian Mosaic b’siltiet minn diversi kanzunetti tradizzjonali. Il-kunċert jagħlaq biż-żewġ korijiet jingħaqdu f’armonija hekk kif jinterpretaw Għanjiet Maltin, ġabra ta’ kanzunetti tradizzjonali Maltin irranġati mill-eks membru tal-kor St Monica Vocal Ensemble, Mario Attard.
Il-kunċert jibda fis-7pm u dawk li jixtiequ jattendu huma ġentilment mitluba jagħtu kontribuzzjoni żgħira ta’ €10, bi dħul imur għal kawża nobbli ta’ Hospice Malta. Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jiġu assigurati minn qabel, billi tagħfas fuq din il-link: https://forms.office.com/e/eRbvSJiyQG
Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti, tista’ żżur il-paġna uffiċċjali ta’ Facebook St Monica Vocal Ensemble.
Il-kor St Monica Vocal Ensemble hija organizzazzjoni volontarja rreġistrata VO/0738.
//= $special ?>