Lokali

“Diskors Abela huwa perikoluż u irresponsabbli”

Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li jekk verament l-inkjesta dwar Vitals ġiet konkluża issa – ġimgħat qabel l-elezzjonijiet – dan ikun terroriżmu politiku. Diskors meqjus bħala attakk dirett fil-konfront tal-ġudikatura; b’kundanni minn kull sfera tas-soċjetà.

Bosta ddeskrivew id-diskors ta’ Abela bħala wieħed li ġej minn paranoja qawwija b’diversi persuni jikkritikaw kliem il-Prim Ministru. Bin-nies jitfgħu baraxx ta’ kummenti fuq is-sit elettroniku tat-Times, wara l-aħħar dikjarazzjonijiet li għamel Abela.

Inevitabbilment ħafna staqsew għaliex ma jridx li l-istituzzjonijiet jaħdmu, x’qiegħed ibeżża’ lill-Prim Ministru jekk ma sar xejn ħażin mill-predeċessur tiegħu – u jekk tali reazzjoni tistax tfisser ammissjoni ta’ ħażen minnha nfisha.

Bosta insistew li din hija pressjoni partiġjana u dittatorjali fuq il-ġudikatura minn naħa tal-Prim Ministru fil-konfront tas-saltna tad-dritt.

Il-kritika waslet mill-Kamra tal-Avukati kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li dan huwa attakk faħxi fuq il-ġudikatura wara li Abela qal li l-Inkjesta Maġisterjali issa ġiet konkluża.

Bernard Grech insista li l-kummenti ta’ Abela dwar il-Maġistrat Inkwirenti huma irresponsabbli u perikolużi u li b’mod sistematiku u viljakk qed jattakka lill-Imħallfin u l-Maġistrati fit-twettiq tad-doveri kostituzzjonali tagħhom biex issir ġustizzja.

Diversi persuni kkummentaw li Abela qed jagħmel minn kollox biex ibeżża’ lil min għandu dover li jwettaq xogħlu u li ssir ġustizzja – diskors intiż biex ixewwex il-hardcore tal-Labour.

Diskors irresponsabbli. Diskors perikoluż. Diskors meqjus bħala wieħed li ġej minn paniku li ħakmet lill-Mexxej Laburista.