Lokali Parlament

Governanza tajba tal-kumpaniji Maltin m’għandhiex tfisser burokrazija żejda


Jerome Caruana Cilia, PN

It-tisħiħ tal-governanza, tar-responsabbiltà u kontabbiltà tal-kumpaniji Maltin huma essenzjali fl-isforzi ta’ pajjiżna biex jgħolli u jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu, iżda għandu jinstab bilanċ biex l-implimentazzjoni ta’ regolamenti ġodda ma joħonqux lin-negozju b’burokrazija żejda.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia, waqt diskussjoni fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed jemenda l-Att dwar il-Kumpaniji.


Dawn ir-reviżjonijiet jikkonċernaw il-bżonn ta’ aktar trasparenza dwar min ikunu verament is-sidien ta’ kumpaniji, titjib fil-kwalità tar-rappurtaġġ li jagħmlu l-istess kumpaniji u aspetti oħra marbuta mal-governanza fiskali tagħhom.


Jerome Caruana Cilia spjega li dawn il-bidliet, xprunati mill-Unjoni Ewropea, qed isiru hekk kif iċ-ċittadini qed jesiġu sens akbar ta’ ġustizzja fiskali, jiġifieri rieda li l-kumpaniji kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jikkontribwixxu b’mod ekwu u ġust għas-soċjetà li joperaw fiha. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza dejjem tikber tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’ dannu għas-soċjetà li ngħixu fiha.


“L-iskandli li rajna fl-aħħar snin, inkluż skandli bħal Panama Papers, żgur ma jistgħux jiġu ripetuti. Dan għaliex għandna quddiemna sensiela ta’ bidliet li se jittrasformaw ir-realtà tal-kumpaniji”, spjega d-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji.


Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li l-Oppożizzjoni hija fil-parti kbira favorevoli għall-bidliet proposti, iżda kienet se tqajjem numru ta’ mistoqsijiet, b’mod partikolari fejn jidħol poteri ġodda li l-liġi tagħti lill-Ministru kif ukoll fejn tħoss li qed titpoġġa burokrazija eċċessiva fuq in-negozji Maltin u Għawdxin.


F’dan il-kuntest, huwa appella għal aktar kjarezza dwar il-mod ta’ kif isiru l-ispezzjonijiet fuq kumpaniji differenti, u sostna li għandha tiġi segwita l-prattika internazzjonali mbuttata mill-FATF, jiġifieri dik ta’ risk-based approach.


Jerome Caruana Cilia ta ħarsa fid-dettall lejn regolamenti oħra li ġejjin mill-kuntest Ewropew u kif dawn jimpattaw lill-Malta u n-negozji ta’ pajjiżna. Żied jgħid li huwa important li pajjiżna jkun minn ta’ quddiem li jkun ta’ eżempju fl-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal dawn biex tassew insaħħu r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħna.


Jerome Caruana Cilia appella biex l-istakeholders jiġbdu ħabel wieħed f’din il-ħidma. Fakkar kif il-maġġoranza assoluta tal-practitioners, kemm jekk kumpaniji, tax advisors, accountants u awdituri dejjem ħadmu b’rispett lejn l-etika u l-prinċipji ta’ governanza tajba. Għalhekk, ma kienx aċċettabbli li ftit nies, anke b’interess politiku, bl-aġir tagħhom ħammġu isem pajjiżna u b’hekk spiċċa biex bata kulħadd. “Dan mhux aċċettabbli”, temm jgħid id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.