Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Intern ma jesprimix fiduċja fil-ġustizzja; il-gvern ried iwaqqaf il-parlament


Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kellu diffikultà biex jesprimi fiduċja fil-ġudikatura u fil-parlament baqa’ lura milli jwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar jekk wara dak li ġara propju llum, għandux fiduċja fil-ġudikatura.


Is-sezzjoni tal-parlament tal-lejla fl-4 pm saret ftit siegħat wara li fil-qorti kien konfermat li l-inkjesta maġisterjali dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet kienet konkluża u wara li l-Prim Ministru attakka lill-ġudikatura b’terroriżmu politiku.


Kienu d-deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Adrian Delia u Mario de Marco li staqsew lill-Ministru tal-Intern biex jiddikjara jekk għandux fiduċja fil-ġuikatura.


Filwaqt li ma weġibx, il-Ministru Byron Camilleri qal li d-diċerija li l-inkjesta dwar l-isptarijiet se tkun magħluqa fi żmien l-elezzjonijiet ilha tiġri. Hu qal li l-Prim Ministru tkellem fuq din il-possibbiltà u sostna li jidher li l-Prim Ministru kellu raġun.


Byron Camilleri kompla li hu jħalli lill-qrati jwasslu għall-ġustizzja iżda lill-PN jgħidilhom li l-gvern se jaħdem iktar.


Fil-ħin tal-mistoqsijiet intervejna wkoll il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li tkellem dwar il-proposta tal-Gvern li l-bieraħ ippropona li l-parlament jaġġorna għas-seduta tat-8 ta’ Mejju 2024 minħabba l-impenji tad-deputati fil-kampanja tal-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.


Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li wara li dak li ġara fil-qrati dalgħodu, l-Oppożizzjoni issa hi konxja għaliex il-gvern ried jaġġorna u ma jlaqqax il-parlament matul dawn il-ġranet. Quddiem din is-sitwazzjoni l-Oppożizzjoni ma taqbilx li l-parlament għandu jkun aġġornat fit-8 ta’ Mejju 2024 iżda se timxi mal-ftehim li l-parlament ikun aġġornat fit-22 ta’ Mejju 2024.