Lokali

Issa għax l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, qegħdin jattakawhom – Bernard Grech jindirizza lin-nazzjon

“Ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu. Hekk dejjem qalulna. Issa għax l-istutizzjonijiet qed jaħdmu, qegħdin jattakawhom.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’indirizz lin-nazzjon wara li sar magħruf li ġiet konkluża l-Inkjesta dwar id-deal tal-isptarijiet; Inkjesta li issa tinsab għand l-Avukat Ġenerali. L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid li din hija biss vendetta.

L-Inkjesta tal-Vitals fiha xejn anqas minn 78 kaxxa bl-evidenza kollha li nġabret.

“Robert Abela u Joseph Muscat l-ewwel għamlu minn kollox biex ma niħdux lura l-isptarijiet tagħna, u issa qed jagħmlu minn kollox biex ma sirx ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi biex iwaqqfu milli jinkxef min hu responsabbli għas-serq u l-frodi li twettaq,” qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN fakkar kif din il-kawża nfetħet biex inġibu lura l-€400 milljun fl-ikbar frodi fl-istorja politika ta’ pajjiżna. B’hekk qal li qed iżommuhom responsabbli għas-serqa li wettqu fis-saħħa tal-Maltin, għal kull abbuż biex iżżomm il-ġustizzja milli ssir u għall-attakk ta’ terroriżmu li qed iwettqu fuq il-Qrati Maltin.

“It-twissija hija ċara – Ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu,” temm jgħid Bernard Grech.