Internazzjonali

Iżrael: L-attakk fuq Rafah jista’ ikun imminenti irrispettivament minn xi ftehim mal-Ħamas

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu qed jippreparaw biex jivadu l-belt ta’ Rafah, fin-Nofsinar ta’ Gaza. Dan minkejja li għaddejjin it-taħditiet mal-Ħamas għal waqfien mill-ġlied temporanju.

L-insistenza ta’ Netanyahu kienet ċara minkejja l-pressjoni – mill-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali  — fuq Iżrael biex ma jixprunax katastrofi akbar, fuq skala umanitarja, bl-azzjoni militari fuq Rafah.

F’din il-belt hemm il-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani li kellhom jaħarbu minn zoni oħra ta’ Gaza biex ma jinqabdux fil-konflitt li ilu għaddej minn Ottubru bejn it-truppi ta’ Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas.

Sadanittant, Netanyahu, waqt laqgħa mal-qraba tal-ostaġġi miżmumin mill-Ħamas, qal li l-belt ta’ Rafah tinsab fil-mira tal-Iżraeljani ‘irrispettivament minn jekk huma jaslux fi ftehim jew le mal-Ħamas’.

Il-kliem tiegħu, sadanittant, qed jallarmaw lill-Istati Uniti u l-Alleati l-oħra ta’ Iżrael minħabba l-impatt potenzjali qattiel għaċ-ċivili pakkjati f’din il-belt.