Lokali Qorti

Jgħid li ma jiftakar xejn mill-aggressjoni u li kien iħobb lit-tfal daqslikieku kienu wliedu

Nazzareno Dalli ta’ 43 sena li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġt aħwa bniet, qed jinsisti li hu jħobbhom daqslikieku kienu wliedu u ma jiftakar xejn mill-attakk.

Dan intqal fil-Qorti mill-Ispettur Wayne Camilleri li xehed fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza b’rabta mal-aggressjoni li seħħet fid-9 ta’ Marzu li għadda, fi Triq San Tumas, il-Marsa, meta l-allegat aggressur attakka serjament b’sikkina lil żewġt itfal ta’ 12 u 15-il sena.

It-tifla ta’ 15-il sena weġġgħet ħafif filwaqt li t-tifla ta’ 12-il sena sofriet minn ferita f’qalbha filwaqt li tilfet madwar 40% tad-demm.

Mal-Pulizija, Dalli lanqas kien kapaċi jwieġeb ir-raġuni wara żewġ ritratti li tefa’ fuq Facebook ftit sigħat qabel l-attakk, b’wieħed minnhom jinkludi l-kelma “vendetta”.

Is-sikkina li ntużat fl-attakk instabet imgeżwra f’biċċa drab wara l-bieb tar-residenza fil-Marsa, b’Dalli jgħid li ma jiftakarx li qatt raha.

L-Ispettur Camilleri qal kif it-tobba qalulhom li t-tifla ta’ 12-il sena sofriet minn madwar 17-il daqqa ta’ sikkina, liema xafra nifdet diversi organi. Hi waslet l-isptar mitlufa minn sensiha.

Minn naħa l-oħra, it-tifla ta’ 15-il sena tkellmet mal-pulizija fejn qaltilhom li stenbħet mir-raqda meta semgħet lil oħtha tgħajjat u twerżaq għall-għajnuna.

It-tifla ddiskriviet ix-xena bħala waħda tal-biża’, bl-aggressur jagħti bis-sikkina lil oħtha, bil-kamra mimlija demm. Minkejja mbeżża’, it-tifla pprovat twaqqfu iżda dan dahar għaliha u qalgħet daqqa bis-sikkina f’idha.

It-tifla rnexxilha taħrab minn taħt idejh u marret tistaħba fil-kamra tal-bejt.

Kameras tas-sigurtà tul it-triq urew li l-aggressur daħal fid-dar u wettaq l-attakk fi tliet minuti.

Kien Dalli stess li iktar tard mar fl-għassa tal-Birgu, bl-istess t-shirt u jeans li kien liebes waqt l-aggressjoni, u staqsa lill-uffiċjali tal-Pulizija jekk kinux qed ifittxuh.

Mal-Pulizija, Dalli tkellem fit-tul dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ omm it-tfal, fejn sejħilha l-eks tiegħu u li kien iħobbha ħafna tant li kien lest jagħmel kollox għaliha. Huwa qal li qatt ma fehem għalfejn l-omm kienet telqitu.

Matul ir-relazzjoni li damet madwar 3 snin, Dalli anke kien għamel perjodu fejn kien jgħix fir-residenza fil-Marsa, bit-tfal dejjem qieshom uliedu.

Huwa qal lill-pulizija meta kien qed jiġi interrogat, li allegatament ħa taħlita ta’ alkoħol u droga, fosthom il-kokaina, b’riżultat li ma jiftakar xejn iżjed wara dak il-mument. Qal biss li jiftakar meta sema’ li l-Pulizija kienu qed ifittxuh iżda ma jiftakarx dwar l-attakk.

L-Ispettur qal ukoll fil-Qorti li Dalli kien magħruf mal-Pulizija hekk kif dan kellu żewġ rapporti ta’ vjolenza domestika li saru minn omm it-tfal. Fl-ewwel rapport, l-omm kienet weġġgħet ħafif iżda għażlet li ma tixhedx kontrih.

F’Jannar ta’ din is-sena, ir-rapport kien jgħid li l-omm qed issofri minn abbuż psikoloġiku. F’dan il-każ, ir-rapport waqa’ f’idejn Aġenzija Appoġġ fejn qisuh bħala każ li ma kellu l-ebda riskju.

Il-każ mistenni jkompli jinstema’ taħt il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fil-ġimgħat li ġejjin.