Lokali

Joseph Muscat isejjaħ lill-media biex jattakka l-istituzzjonijiet

Ritratt: Matthew Tabone

“Konvint li se nitressaq il-Qorti – m’għandix dubju. Nagħti twissija, li min irid jivvendika ruħu għandu jerfa’ responsabbiltà.” B’Joseph Muscat jisħaq li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kontra l-Laburisti.

Diskors l-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista hekk kif it-Tlieta indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien tal-Avukat tiegħu Charlon Gouder; fil-preżenza tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour, Jason Micallef.

Muscat sejjaħ lill-ġurnalisti wara li sar magħruf illi l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-Vitals ġiet magħluqa; u ilha għand l-Avukat Ġenerali sa mil-Ħamis 25 ta’ April.

Malli Muscat ħareġ mill-Qorti… il-ġurnalisti għamlulu sensiela ta’ domandi, bl-eks Mexxej tal-Labour jistedinhom għal konferenza tal-aħbarijiet.

Siegħa wara, Joseph Muscat infexx f’attakk wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella…fejn insista li għandu nuqqas ta’ fiduċja fiha. U nsista li din hija vendetta politika fil-konfront tal-pajjiż.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti jekk hux diġà rrassenjat li se jresquh il-Qorti…huwa insista li m’għamel xejn ħażin, imma m’għandux dubju li se jresquh.

Joseph Muscat insista li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kontra l-Laburisti. Iżda mistoqsi dwar dan id-diskors perikoluż, l-eks mexxej tal-Labour kompla jattakka lill-Maġistrat Gabriella Vella.

Mistoqsi kelmuhx il-Pulizija, Joseph Muscat saħaq li “le”. U meta kien mistoqsi iħossux abbandunat mill-Partit Laburista, u jekk kelmux il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem – Muscat saħaq li l-Mexxej tal-Labour ma kelmux. Iżda injora għal kollox il-fatt li fix-xhur li għaddew saħaq li jħossu abbandunat.

Joseph Muscat ta’ x’jifhem bl-aktar mod ċar li ma ħariġx għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew proprju minħabba dak li seta’ jseħħ fil-Qorti fil-konfront tiegħu – ċioè minħabba l-passi legali li possibilment se jkunu qed jittieħdu fil-konfront tiegħu jew ta’ ħaddieħor.

Huwa insista li jinsab kalm u li wara 3 snin martirju għalih u l-familja tiegħu….l-ġustizzja se tagħtih raġun.

Muscat qal li n-nies se jkunu qed jitilfu l-fiduċja fil-ġustizzja; attakk sistematiku wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-membri tal-ġudikatura.Meta sa ħames snin ilu, kliemu kien għal kollox differenti.

Intant, l-uffiċjal pubbliku Jason Micallef fl-aħħar ħinijiet insista li bħas-sittinijiet….se jerġgħu jirreżistu dak li sejjaħ bħala persekuzzjoni politika b’kull mezz possibli.