Lokali

L-attakki fuq il-ġudikatura mhux se jiġu tollerati – MEP David Casa

“L-istituzzjonijiet ta’ Malta ġew intenzjonalment imfixkla, maħtufa u mminati sabiex tiġi żgurata l-impunità għal dawk li abbużaw mill-poter tagħhom biex jitħanżru minn fuq dahar il-poplu. Hija l-ġudikatura li hija l-aħħar bastjun tad-demokrazija, tipproteġi lill-poplu ta’ Malta u Għawdex u timla l-vojt li fadal minn awtoritajiet oħra. Kull azzjoni jew pressjoni maħsuba biex tfixkel ix-xogħol tagħhom irid ikollha riperkussjonijiet ħorox,” tenna l-MPE David Casa.

Casa kemm-il darba stqarr li l-attakki fuq l-indipendenza tal-ġudikatura kienu qed jiżdiedu matul ix-xhur li għaddew permezz ta’ dikjarazzjonijiet u azzjonijiet maħsuba biex ifixklu l-ħidma tagħhom, b’mod partikolari mill-Prim Ministru Robert Abela.

“Il-ġustizzja ġiet ittardjata b’mod sinifikanti f’Malta. Rajna klassi ta’ individwi maqbuda b’idejna ħasra jiffrodaw lill-poplu Malti, u li dehru ‘l fuq mil-liġi. L-isforzi tal-ġudikatura biex iżżomm il-kriminali risponsabbli u tiżgura li aħna lkoll indaqs taħt il-liġi m’għandhomx jiġu sovvertiti,” Casa appella lill-Kummissarju Ewropew rilevanti kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa.