Lokali Parlament

L-attakki fuq l-istituzzjonijiet qed iżidu l-inċertezza fost in-negozji


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fil-parlament li l-attakki fuq l-istituzzjonijiet li qed jagħmel il-gvern bħalissa qed iżidu l-inċertezza fost in-negozji.


Robert Cutajar qal li l-gvern jidher li mhux se jitgħallem mill-iżbalji li saru kif sar meta l-pajjiż daħal fil-lista l-griża. Illum il-pajjiż qed jerġa’ jilgħab man-nar fejn il-gvern flok jiddefendi l-istituzzjonijiet qed jattakkhom.


Id-deputat Nazzjonalista qal li dan qed jeffettwa lis-sidien tan-negozji u sostna li llum il-ħaddiema qed jibżgħu jidhru. Hu semma’ l-iskema Stabbiltà u qal li din kienet skema bbażata fuq l-ingann u t-theddid mill-gvern.


Skont stħarriġ tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, jidher li hemm persentaġġ ta’ sidien ta’ negozji li mhumiex komdi jinvestu għas-sena li ġejja; dan minkejja li l-gvern qed jipprova jagħti stampa differenti.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm anki MEP Laburista li fl-UE qed jitfa’ dell ikrah fuq in-negozji Maltin billi għajjarhom ħallelin. Dan poġġa tebgħa kerha fuq in-negozji Maltin, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-Eurostat ippubblikat l-indikaturi dwar l-inflazzjoni fiż-Żona Ewro fejn il-Ministru Silvio Schembri pprova jdawwar l-argumenti billi kkwota r-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta iżda ma kienx korrett. Hu qal li minkejja dak li jgħid il-Ministru tal-Finanzi dwar il-mudell ekonomiku, il-gvern jibqa’ ma jismax u ma jbiddilx dan il-mudell ekonomiku.


Id-deputat Nazzjonalista qal li m’hemmx qbil bejn il-ministri dwar id-direzzjoni li għandu jieħu l-pajjiż u sostna li l-istorja se tkompli tagħti raġun lill-PN. Hu appella lill-gvern biex jibdel l-attitudni tiegħu billi jserraħ ras in-nies tan-negozju dwar l-istabbilità u l-viżjoni għall-futur biex tinqata’ l-inċertezza. Dan minħabba li s-sitwazzjoni hi inkwetanti u inċerta fis-settur tan-negozji, sostna Robert Cutajar.