Internazzjonali

L-Iran: Ippruvaw jaħbu l-verità wara l-qtil ta’ tfajla ta’ 16-il sena mis-sigurtà tar-reġim

Il-każ traġiku ta’ tfajla adolexxenti li spiċċat abbużata u maqtula minn tlett membri tal-qawwiet tas-sigurtà sar sinonimu mal-ġlieda tan-nisa, fl-Iran, biex jingħataw aktar libertà u rispett f’pajjiżhom.

U filwaqt li n-nisa Iranjani huma persegwitati kontinwament mir-reġim Iżlamiku fundamentalista tal-Ayatollah Ali Khamenei, il-każ ta’ Nika Shakarami x’aktarx li se jagħti leħen aktar qawwi lill-Moviment favur in-Nisa, il-Ħajja u l-Libertà…Moviment li ilu l-aħħar snin xewka kbira fid-dahar tat-Tmexxija f’Tehran.

Il-qtil u stupru ta’ Shakarami kienu żvlati minn leak ta’ dokument ippreparat mill-istess qawwiet tas-sigurtà ‘elit’ li jinkludu lill-qattiela tagħha.

L-aħħar darba li t-tfajla dehret ħajja kienet waqt il-protesti fit-toroq storiċi tal-2022 kontra r-reġim Iranjan ….Protesti li nfirxu madwar il-pajjiż meta Mahsa Amini, mara ta’ 22 sena,  mietet wara li spiċċat arrestata u msawwta mill-pulizija minħabba li hi ma kenitx liebsa x-xalla tar-ras skont il-kriterji tal-Islam.

Il-katavru ta’ Nika kien instab disat ijiem wara li għabet – bil-Gvern Iranjan joħroġ  stqarrija fis-sens li ‘hi kienet qatlet lilha nnfisha’.

Sadanittant, il-Gvern ta’ Khamenei u l-Gwardja Rivoluzzjonarja f’Tehran (il-Korp militari ewlieni tar-reġim) fl-aħħar sigħat irrifjutaw li jitkellmu jew iwieġbu għal domandi dwar il-każ tat-tfajla.

Dan meta l-leak mir-rapport kunfidenzjali — preparat mill-Gwardja li qed tiddefendi lill-establishment Iżlamiku f’’Tehran — qed jinkludi, fost oħrajn, l-ismijiet tal-qattiela ta’ Nika Shakarami flimkien mal-ismijiet tal-kmandanti ewlenin li pruvaw jaħbu l-verità tal-każ.