Lokali

ll-MaltaToday tiżvela li Muscat, Schembri u Mizzi huma fost is-suspettati fl-Inkjesta tal-Vitals

Hemm il-possibilità li jkollhom ordni ta’ ffriżar tal-assi

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat l-eks chief of staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi huma fost lista ta’ persuni u kumpaniji li ġew identifikati bħala suspettati ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-inkjesta Vitals.

Dan ġie żvelat mill-MaltaToday hekk kif ġie rrapportat li mistennija tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ diversi individwi – bl-investigazzjoni tista’ twassal għall-iffriżar tal-assi tagħhom.

Dan wara li Joseph Muscat quddiem il-ġurnalisti sostna li ma kellu ebda dubju li se jkun fost l-ismijiet akkużati fl-Inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Gabriella Vella – b’mod kontinwu ħareġ jattakkaha.

Minn xhieda fil-Qorti t-Tlieta filgħodu sar magħruf li l-Maġistrat Vella għalqet l-inkjesta dwar il-bejgħ tat-tlett sptarijiet lil Vitals Global Healthcare…u li l-inkjesta ilha f’idejn l-Avukat Ġenerali sa mill-Ħamis 25 ta’ April.

L-inkjesta ġiet mitluba li tinfetaħ lura fl-2019 grazzi għal inizjattiva tal-NGO Repubblika.