Lokali

“Prim Ministru u Gvern li qed jaġixxi kontra l-prinċipji demokratiċi Maltin u Ewropej li suppost qed niċċelebraw f’għeluq l-20 sena ta’ Malta Ewropea”

Ritratt: Martin Agius

Il-Prim Ministru u l-Gvern Laburista għaddejjin b’kampanja kontinwa kontra l-ġudikatura f’pajjiżna għaliex qegħdin jagħmlu xogħolhom u jaraw li titwettaq ġustizzja kontra min seraq mis-saħħa tal-Maltin.

Huwa għalhekk illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mhux se jkun qed jattendi l-attivitajiet ospitati mill-Prim Ministru Robert Abela f’għeluq l-20 sena anniversarju minn mindu pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Dan spjegah il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post fuq il-media soċjali tiegħu fejn spjega illi l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mhux se jkunu preżenti għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru fil-preżenza tal-istess Prim Ministru u Gvern li qed jaġixxi kontra l-prinċipji demokratiċi Maltin u Ewropej li suppost qed niċċelebraw.