Lokali

Robert Abela għandu jħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu bla intimidazzjoni – Bernard Grech

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar sigħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Robert Abela għal darb’oħra nfexx f’attakk faħxi fuq il-ġudikatura ta’ pajjiżna. 

Abela qal li l-Inkjesta Maġisterjali dwar Vitals u Steward ġiet konkluża. Issa f’daqqa waħda Robert Abela qed jattakka lill-ġudikatura talli qed tagħmel xogħolha u tinvestiga dak li l-Pulizija naqqset li tagħmel xogħolha matul dawn is-snin.

Bernard Grech qal li l-kummenti ta’ Robert Abela dwar il-Maġistrat Inkwirenti huma irresponsabbli u perikolużi. Robert Abela qed imur kontra l-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru meta b’mod sistematiku u viljakk jattakka lill-Imħallfin u l-Maġistrati fit-twettiq tad-doveri kostituzzjonali tagħhom biex issir ġustizzja. Dan huwa tradiment tal-poplu Malti u Għawdxi li jemmen u jaħdem għall-verità u għall-ġustizzja.

Il-Prim Ministru dejjem qalilna “nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu”. Il-Kap tal-PN jistaqsi għala issa ma jrid iħalli l-istituzzjoni jaħdmu u qed jipprova jindaħal lill-Qrati fuq xogħolhom?

L-istqarrija ttemm tgħid li Robert Abela għandu jieqaf jattakka l-ġudikatura, jieqaf jipprova jinfluwenzaw l-awtoritajiet u verament iħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom. Fil-paranoja li ħakmitu, Robert Abela jemmen li kulħadd jagħmel id-deċiżjonijiet a bażi ta’ kalkolu elettorali kif dejjem jagħmel hu.

Bernard Grech fakkar li mhu se jħalli lil ħadd jipprova jintimida l-istituzzjonijiet milli jagħmlu xogħolhom bla biża’ jew favur.