Lokali

Studju indipendenti jikkonferma ż-żieda drastika f’xirja bażika fuq sentejn biss

Studju indipendenti li sar mill-UHM Voice of the Workers ikkonferma ż-żieda drastika fil-prezz ta’ xirja bażika; studju li sar bejn l-2022 u l-2024 u li juri kemm żdiedu l-prezzijiet fl-aħħar sentejn.

L-istudju bl-isem Cost of Living Survey Grocery Prices juri kif matul dawn ix-xhur ġie nnotat li l-prezz ta’ xirja bi prodotti bażiċi tela’ b’madwar €20.66. Dan minkejja li l-Gvern ftaħar bl-Iskema Stabbiltà – li ftit li xejn ħalliet effett.

Dan l-istudju fil-fatt juri li l-iskema Stabbiltà ma tantx inħassett, hekk kif prodott wieħed jew tnejn biss kienu f’din il-lista. U minkejja ħafna pompa dwar din l-iStabbiltà, l-istudju juri li anke l-irħas supermarket xorta kapaċi jkollhom prodotti li huma ogħla minn postijiet oħra.

Jidher ukoll li l-konsumatur mhux qed jibqa’ jagħżel il-prodotti ta’ kwalità daqs qabel iżda minflok qed imur għal prodotti irħas fil-prezz, b’riskju ta’ prodotti ta’ kwalità inqas.

Fost l-oħrajn, il-UĦM semmew diversi prodotti li raw żieda drastika.

Fost dawn kien hemm iz-zalza li minn €1.25 żdiedet għal €1.69 fuq sentejn. U kunserva li minn €0.99 żdiedet għal €1.69. Ħalib lokali li minn €0.88 żdied għal €1.15. Għaġin li minn €1.29 ġie għal €1.79. Kafe li kien €2.74 u issa €3.68… it-toilet paper li żdied b’€2.20… u l-laħam ikkapuljat li ra qabża ta’ €3.19. Lista ma tispiċċa qatt li ħafna minnhom mumiex biss żieda ta’ ftit ċenteżmi iżda saħansitra ewro fuq ewro għal prodott wieħed biss.

Kien innotat li prodotti li jkunu ilhom out-of-stock wisq probabbli ikun jfisser li ġejja żieda fuq il-prezzijiet tal-istess prodotti.

Bl-istudju jikkonferma wkoll li l-Gvern qed jispiċċa jieħodilna mill-għajnuna meta suppost jagħti ż-żieda tal-COLA… filwaqt li l-union qed tibqa’ tħeġġeġ biex il-Gvern ineħħi din it-taxxa.