Tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara argument li seħħ dalgħodu f’Marsaxlokk bejn numru ta’ bejjiegħa tal-monti.
L-argument seħħ għall-ħabta tad-9:15 am meta l-Pulizija rċiviet rapporti ta’ argument f’Xatt is-Sajjieda waqt il-monti.
Involuti kien hemm numru kbir ta’ persuni, b’erba’ minnhom li kellhom bżonn l-assistenza ta’ tim mediku. Iktar tard huma ttieħdu l-isptar għall-kura meħtieġa.
Dawk involuti huma raġel ta’ 33 sena u raġel ta’ 67 sena, it-tnejn minn Ħal Qormi, mara ta’ 33 sena mir-Rabat, u raġel ta’ 35 sena minn Marsaxlokk. Bl-aħħar tlieta ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief.
Minn informazzjoni li rċieva Net News, wieħed minn dawk involuti huwa l-Kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk, Daniel Zerafa, l-istess persuna li qed tikkandida ruħha għall-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ.
//= $special ?>