Antonino D’Angelo, Sqalli ta’ 25 sena u li joqgħod il-Fgura ġie kundannat erba’ snin u tmien xhur ħabs wara li f’Jannar li għadda ammetta li wettaq tliet serqiet fil-Fgura stess. Kien fit-13 ta’ Jannar li għadda li D’Angelo ammetta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
Huwa kien ammetta li fl-10 ta’ Jannar filgħaxija huwa kien segwa anzjan ta’ 74 sena li kien miexi fi Triq Mater Boni Consilli u seraqlu l-kartiera, flus, credit cards u dokumenti, u weġġgħu ħafif billi mbuttah. Ammetta wkoll li l-għada seraq €20 lil mara ta’ 45 sena fi Triq Hompesch mumenti wara li ġibdet xi flus minn ATM u li ħataf mobile minn fuq anzjana ta’ 80 sena fi Triq il-Karmelitani.
Iż-żagħżugħ ammetta wkoll li fl-istess jum, mill-ġdid fi Triq il-Karmelitani, ipprova jisraq basket minn fuq anzjan ta’ 74 sena. L-Isqalli li għandu l-vizzju tad-droga u li jixtieq jindirizza din il-problema, wieġeb mill-ewwel li huwa ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.
Fis-7 ta’ Frar li għadda kienet ġie preżentat pre-sentencing report u għat-trattazzjoni finali. Meta ta s-sentenza tiegħu l-Maġistrat Caruana qal li l-akkużi miġjuba fil-konfront tal-akkużat huma ta’ natura serja ħafna, b’mod partikolari għaliex saru fuq persuni ta’ aktar minn 65 sena u anzjani.
Illi s-serq mwettaq għandu wkoll diversi aggravanti. Illi jekk tittieħed l-ewwel akkuża, blaggravanti kollha hemm mogħtija, il-minimu tal-piena huwa dak ta’ erba snin priġunijera li jaqbeż il-massimu permissibbli għal sentenza ta’ priġunerija sospiża.
B’hekk, għalkemm il-Qorti tifhem l-għan wara r-rakkomandazzjoni tal-uffiċjal tal-probation, il-Qorti hija prekluża milli tagħti din il-piena. In vista’ tal-gravità tar-reati mwettqa mill-akkużat, in partikolari l-mod ta’ kif seħħew u l-vittmi tagħhom, il-Qorti tqis li piena karċerarja effettiva hija idonea.
Minnaħa l-oħra, l-akkużat jeħtieġ l-għajnuna sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga li għandu u jkun jista’ jirriforma l-ħajja tiegħu biex ma jerġax ikollu inċidenti bħal dan. Il-Qorti ordnat lill-ħati Antonino D’Angelo jirrifondi lura s-somma ta’ €315 lill-vittma Joseph Zahra u s-somma €20 lill-vittma l-oħra.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Shawn Pawney u Paul Camilleri, u mill-Avukat Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>