“Tama qawwija li flimkien kapaċi nfasslu ġejjieni attraenti għalik”.
Hekk iddikjarat il-President tal-Parlament Ewropew u kandidata tal-PN għall-elezzjoni Ewropea Roberta Metsola meta indirizzat lill-folla li llejla nġabret għar-rally organizzat fil-Mosta.
Waqt id-diskors tagħha, Roberta Metsola qalet li l-politika tal-PN tibqa’ politika li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. “Aħna qatt ma bżajna nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet”.
Metsola tkellmet dwar l-20 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-UE. “U llum qed inħarsu ‘l quddiem b’tama, biex in-nies ikollha l-aqwa kwalità tal-ħajja”.
Fid-diskors tagħha, Roberta Metsola qalet li huwa unur għaliha li tirrappreżenta lil Malta kuljum fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dan meta lokalment hemm min qed jipprova jiċċensuraha fuq ix-Xandir Nazzjonali. “Minn xiex qed jibżgħu?”, staqsiet Metsola.
Roberta Metsola tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżn u qalet li r-raġun mingħajr ġustizzja mhi xejn. “Il-ġustizzja mhix vendikazzjoni, imma għatx għas-sewwa”, qalet il-President tal-Parlament Ewropew.
“Titilfux it-tama fil-politiċi. Mhux kulħadd huwa l-istess. Hawn min qed jaħdem għal politika nadifa”, qalet Metsola.
“Dan hu żmien importanti ħafna għad-demokrazija ta’ pajjiżna, u aħna determinati li ssir ġustizzja. Kont x’kont, għandek tkun accountable quddiem il-ġustizzja”. Roberta Metsola tinsisti li din mhix kwistjoni partiġjana.
Il-vot tat-8 ta’ Ġunju
Dwar l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, Metsola qalet li bil-vot tagħna rridu ntejbu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar fuq livell Ewropew. Dan għaliex il-poplu jistħoqqlu min joħroġ bis-soluzzjonijiet, u mhux min iwaħħal fl-UE għan-nuqqasijiet tiegħu.
“L-istima lejn pajjiżna; ħidma favur Malta”, qalet Metsola. “Dan huwa dak li se nkomplu nagħmlu, għaliex aħna differenti”.
Hawn, Metsola tkellem dwar Malta li tixtieq tara: minn investiment fis-saħħa mentali, sal-edukazzjoni u l-ħtieġa ta’ pagi u pensjonijiet aħjar.
“Aħna rridu nagħtu direzzjoni, u nkattru t-tama”, tenniet il-President tal-Parlament Ewropew.
“Hija tama mibnija fuq il-kapaċità tal-Maltin, għaliex aħna qegħdin hawn għalik”.
//= $special ?>