Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Għalik f’Malta; għalik fl-Ewropa” – Bernard Grech

"Gvern li huwa mifni bi problemi interni"

“Se nkunu hemm għalik, kemm f’Malta u anke fl-Ewropa. Dan għaliex pajjiżna jixraqlu aħjar.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech fi tmiem ir-rally li permezz tiegħu tnidiet il-kampanja għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej rally li ipparteċipaw fih numru kbir ta’ familji, anzjani u żgħażagħ li nġabru fil-Mosta biex isegwu l-messaġġ importanti li wassal il-Kap tal-PN. Messaġġ b’saħħtu ta’ tama u kuraġġ, għall-poplu kollu.

“L-aspirazzjonijiet tiegħek huma l-mira tagħna”, tenna l-Kap tal-PN.

Bernard Grech fakkar kif fl-aħħar jiem il-Labour infexx f’attakk ta’ intimidazzjoni fuq il-Qrati. “Dan hu attakk irresponsabbli u perikoluż”.

Hu stqarr li dan ma kienx l-ewwel attakk ta’ Abela fuq l-Imħallfin u l-Maġistrati; kif għamel meta attakka lill-ġudikatura waqt li kienet għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali li kienet qed issir dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.

Hawn, Bernard Grech fakkar fis-serqa tal-isptarijiet li kienet l-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN sellem lil Daphne Caruana Galizia li kienet kixfet l-iskandlu tal-Vitals. U sellem ukoll il-ħidma importanti li twettqet minn Simon Busuttil u Adrian Delia.

“Issa qed jaraw il-provi. Il-Qorti ddikjarat li dan id-deal kien frodi, li permezz tagħha biegħu s-saħħa tal-Maltin”.

Apparti l-Inkjesta li ntalbet minn Repubblika, u li issa ġiet konkluża, il-Kap tal-PN fakkar kif anke l-partit innifsu sena ilu ppreżenta evidenza li daħlet bħala parti minn din l-Inkjesta.

“Issa ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu”, insista Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern tant hu mifni bil-problemi interni, li ma jistax jikkonċentra fuq kwistjonijiet importanti li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema u l-familji. “Il-problemi tal-Partit Laburista saru l-problemi tal-pajjiż”.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech qal li l-PN huwa l-uniku u l-veru tarka tal-ħaddiema.

Qal ukoll illi l-Gvern falla milli jindirizza l-problema kbira tal-għoli tal-ħajja. “Iżda l-PN għandu s-soluzzjonijiet ebda taxxa fuq il-COLA, tax credits lil min iħaddem, fond nazzjonali bħala appoġġ għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, u t-twaqqif ta’ mudell ekonomiku ġdid.”

Waqt ir-rally, il-Kap tal-PN sellem il-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami biex Malta ssieħbet fl-UE, u lil Lawrence Gonzi li kien l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta bħala pajjiż membru.

Ma naqasx ukoll l-appell biex in-nies jappoġjaw lit-tmien kandidati li se jikkontestaw għall-elezzjonijiet Ewropej. Bl-għan aħħar tal-PN jibqa’ li fl-elezzjonijiet li jmiss jeleġġi tliet MEPs.

Intant, il-Kap tal-PN irringrazzja lill-kandidati kollha tal-PN, li aċċettaw l-istedina biex jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

“Fit-8 ta’ Ġunju rridu nibagħtu messaġġ li int trid pajjiż li jemmen fil-prinċipji Ewropej, li trid illi l-affarijiet ma jibqgħux sejrin b’dan il-mod, li jkollna rappreżentanti għalik u mhux għalihom infushom.”

“Ivvota għal pajjiżek, għal uliedek, għalik”, stqarr Bernard Grech fi tmiem id-diskors tiegħu.