L-OPINJONI
Tmiem il-ġimgħa rriserva l-konfront dirett bejn Ħamrun Spartans u Floriana għar-rebħ tal-Kampjonat 2023/24. U kien l-Ispartans li għamlu ċert minn dan hekk kif huma mhux talli rebħu lir-rivali Floriana iżda ddominaw il-konfront fejn sal-ewwel taqsima kienu diġa għamlu ċert b’vantaġġ ta’ erba’ gowls. Din il-partita ġibdet lejn l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali l-akbar folla tal-istaġun. Forsi ftit kienu dawk li stennew li ser ikollha dan l-eżitu fejn kien mistenni logħob aktar bilanċjat. Verament il-gowl kmieni li skurjaw l-Ispartans ikkundizzjona xi ftit il-logħba fejn bi Floriana maħsuda Ħamrun ħadu riedni tal-logħba f’idejhom fejn bdew jiskurjaw gowl wara l-ieħor. L-eroj tal-ġurnata għalihom kien l-attakkan Seth Paintsil li skorja xejn anqas minn erba’ gowls. Imma żgur li kollettivament Ħamrun kienu superjori biex mhux talli għamlu double fuq Floriana iżda għamlu ċert ukoll mir-rebħ tal-Kampjonat għall-għaxar darba fl-istorja tagħhom. Prosit u Awguri Spartans.
U jum iswed għal Valletta hekk kif huma sfaw relegati għall-ewwel darba fl-istorja. B’hekk is-sena d-dieħla huma ser ikunu qed jilgħabu fiċ-Challenge League. Dan wara l-Beltin tilfu bl-iskor kbir ta’ 4-0 kontra Naxxar Lions biex it-tama tal-Beltin li jibqgħu jżommu posthom mal-kbar sfumat fix-xejn. Kienu l-Lions li ddominaw il-konfront bil-Beltin li setgħu sofrew iktar gowls, Naxxar ma’ setgħax kellhom bidu aħjar meta skurjaw wara biss żewġ minuti, wieħed mill-isbaħ gowls tal-istaġun minn Yamaguchi. Huma riedu punt biex ikunu matematikament salvi u kisbu tlieta. U kisbuhom bi stil. Valletta deludenti għal kollox,konferma ta’ staġun diffiċli bi skwadra żgħira u li ftit li xejn tat rendiment tajjeb. Nemmen li kif bdew sejrin l-affarijiet kienet inevitabbli li huma jsalvaw. Iżda jekk ikun hemm pjan serju u fit-tul it-tim mill-Kapitali kapaċi narawh lura malajr u anki jkun ta’ sfida. Il-każ ta’ Sliema Wanderers huma xempju ta’ dan.
Sliema Wanderers għamlu ċert minn kwalifikazzjoni għall-Ewropa b’rebħa tennistika kontra Gudja United biex kisbu it-tielet post fil-klassifika. Il-Blues daħlu għal din il-partita’ mimlija ottimiżmu hekk kif riedu biss punt biex iserħu rashom minn parteċipazzjoni fil-UEFA Conference League. Mhux talli kisbu punt imma tlieta wara wirja konvinċenti li waslet għall-akbar rebħa tal-istaġun. Dan kien staġun memorabbli għal Sliema li bħal dan iż-żmien sentejn għaddew mill-imrar tar-relegazzjoni. Iżda wara r-rebħ taċ-Challenge League u r-ritorn mill-ewwel fil-Kampjonat Premier it-tim immexxi minn Paul Zammit ikkonferma l-potenzjal tiegħu. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Gudja hekk kif għadhom ma rreġistraw l-ebda rebħa fi tmiem staġun deludenti għall-aħħar.
Marsaxlokk serrħu rashom li kisbu r-raba’ post dan wara li f’konfront dirett huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0. Ix-Xlukkajri kienu konxji li kellhom żewġ riżultati favurihom iżda xorta waħda ħarġu aggressivi jfittxu r-rebħa kontra t-tim minn Raħal Ġdid. Raba’ post li jista jfisser ħafna u jista ma’ jfisser xejn. Il-poloż tas-semi finali tat-Trophy ġew favorevoli għal M’Xlokk għax infirdu Sliema u Floriana, iż-żewġ timijiet li t-tim immexxi minn Winston Muscat irid li jirbaħ din il-kompetizzjoni. U bħal fil-każ ta’ Sliema, M’Xlokk kien tim rivelazzjoni ieħor fejn kellhom staġun impressjonanti. Fuq in-naħa l-oħra, dan kien staġun diffiċli għal Hibernians fejn l-inkonsistenza kienet l-ordni tal-ġurnata. Żgur li l-Pawlisti jridu jinsew malajr kemm jista jkun dan l-istaġun u jibdew jibnu għal dak li ġej.
It-tim ta’ Marsaxlokk jiċċelebra gowl mir-rebħa importanti ta’ 2-0 fuq Hibernians (Catriel Farrugia)
Riżultat ta’ draw bejn Mosta u Balzan u prattikament ma’ ssodisfa lil ebda tim minnhom. Biex it-tnejn li huma jibqgħu fil-periklu tar-relegation minkejja li Balzan ma’ jistgħux jiġu relegati awtomatikament iżda teżisti l-eventwalita rimota ta’ play off. Balzan kienu l-aħjar fejn anki fallew penalty, ċans li ħlew u li kieku fisser salvazzjoni ċerta. Fil-fatt kellhom ikunu interventi tajbin u f’waqthom tal-gowlkeeper Mosti Akpan li żammew ir-riżultat fi draw. Wieħed stenna xi ħaġa aktar minn Mosta li kienu ġejjin minn rebħa konvinċenti kontra Hibernians. Issa jmisshom id-derby kontra Naxxar, iridu jirbħu bilfors u jaf ma’ jkunx biżżejjed. Mill-banda l-oħra punt għal Balzan mil-logħba kontra M’Xlokk ikun biżżejjed.
Santa Lucia kisbu rebħa ferm importanti sabiex ikomplu jemmnu li jistgħu jsalvaw posthom fl-ogħla kampjonat Malti meta għelbu lil Gżira United 2-1. Kienu logħba diffiċli l-aktar meta l-avversarji tagħhom għadhom mhux matematikament ċerti. Iżda s-Saints fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti. Ma’ dan żiedu gowl ieħor fl-ewwel taqsima biex ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom. Tim li issa jinsab barra ż-żona l-ħamra fejn rebħa kontra Birkirkara taċċerta lis-Saints minn staġun ieħor fil-Premier. Gżira wkoll iridu rebħa biex ikun ċerti, quddiemhom tim li jinsab psikoloġikament imkisser wara t-telfa kontra Ħamrun. Floriana li jridu jerġgħu jiltaqgħu magħhom it-Tlieta ta’ wara fl-ewwel semi finali tal-Izibet FA Trophy.
U finalment logħba li ma’ kien fiha ebda storja u importanza għall-fini tal-klassifika kienet dik bejn Birkirkara u Sirens. Logħba li spiċċat fi draw ta’ 2-2, li Sirens salvaw punt fil-ħin miżjud. It-tim minn San Pawl il-Baħar minkejja li ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat matematikament relegat, xorta qed ikun ta’ sfida għal kull tim u qed jonora l-fixture b’mod dinjituż ħafna. Dwar Birkirkara l-unika interess tagħhom hija dik li jiddefendu dak li rebħu s-sena li għaddiet, it-Trophy. Quddiemhom ħa jsibu lil Sliema u b’hekk l-attenzjoni żgur bħalissa hija lejn din il-kompetizzjoni li tista bħalma kien il-każ l-istaġun li għadda jsalvaw staġun diżappuntanti.
INNUTAJNA
LI atmosfera sabiħa u sportiva rrenjat nhar is-Sibt li għadda fl-Istadium Nazzjonali hekk kif Floriana lagħbu kontra Ħamrun Spartans, logħba li ddeċidiet ir-rebħ tal-Kampjonat. Lil hin mir-riżultat aħħari, huma logħbiet bħal dawn huma li jagħmlu l-futbol Malti aktar interessanti.
LI wara 118-il sena tasal l-ewwel relegazzjoni fl-istorja għal Valletta FC. Mument diffiċli ħafna għat-tim mill-kapitali li qatt m’emmnu li jista jasal dan il-mument ikraħ. Bħalma għaddew minnha Ħamrun, Floriana u Sliema W. fost l-oħrajn, issa kien imiss lil Valletta. Tim ta’ tant glorji. Nawguraw ritorn ta’ malajr lil Valletta fil-Kampjonat Premier, il-post fejn verament jixraqlu.
LI bis-sitwazzjoni tar-relegation inċerta fejn għad jonqos tim ieħor biex jingħaqad ma’ Valletta, Sirens u Gudja Utd., nhar il-Ġimgħa li ġej ser jintlagħbu erba’ logħbiet fl-istess ħin f’erba’ grounds differenti. Xi ħaġa mhux normali li ssir fil-futbol Malti imma li iżda fl-aħħar ġurnata qed tkun realta kważi kull sena.
//= $special ?>