Internazzjonali

Il-Ġorġja: Protesti dwar liġi anti-Demokratika ‘imposta mir-Russja’

Eluf ta’ nies fit-toroq ta’ Tbilisi ipprotestaw kontra liġi li jemmnu hi intiża biex ittellef id-demokrazija minbarra li tostakola l-impenji ta’ pajjiżhom biex jifforma parti mill-Unjoni Ewropea. Il-liġi qed tkun ippreżentata bħala waħda li ‘tiggarantixxi t-trasparenza’, iżda l-Ġorġjani qed jinsistu li din qed tkun imposta mir-Russja.

Il-protesti fil-kapitali rrankaw waqt li l-Parlament fi Tbilisi kien qed jiddibatti t-tieni qari tal-liġi kontroversjali li tirrikjedi r-reġistrazzjoni tal-media u organizzazzjonijiet li mhumiex kummerċjali bħala entitajiet influwenzati minn barra.

Din il-liġi, li mistennija tgħaddi, għandha tapplika f’sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet inkwistjoni jirċievu aktar minn 20 fil-mija tal-finanzjament tagħom minn barra l-Ġorġja.

Waqt id-dimostrazzjonijiet, il-pulizija tefgħu l-gass tad-dmugħ u s-stun grenades għal fuq in-nies – b’numru ta’ dimostranti jispiċċaw imsawwtin, fosthom Levan Khabeishvili, politiku ewlieni tal-Oppożizzjoni, li deher fuq il-filmati bid-demm ħiereġ minn wiċċu.