Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu kwalità ta’ ħajja aħjar”

Il-kritika lejn it-tmexxija tal-Gvern Laburista qed tikber aktar minn qatt qabel. Din id-darba, Moviment Graffitti sejjaħ protesta proprju f’Jum il-Ħaddiem quddiem Kastilja.

L-attivist Andre Callus stqarr illi huwa impossibbli li nżommu mudell ekonomiku li jiddependi fuq it-tkabbir biss  tkabbir li qed jirriżulta fi splużjoni kbira fil-prezzijiet mhux biss tal-ikel u l-affarijiet bażiċi imma anke fil-bini. Biż-żgħażagħ illi huma jew se jkunu daqt fid-dinja tax-xogħol, lanqas joħolmu illi jieħdu loan għal dar. Huwa għalhekk illi qed jagħżlu li jsibu futur f’pajjiżi oħra. Filwaqt li insista li bil-għan li jinżammu rati ogħla mill-medja ta’ tkabbir ekonomiku, l-ekonomija Maltija hija mibnija fuq cheap labour.

Callus spjega wkoll li l-ħaddiema f’pajjiżna f’dan l-aħħar snin qishom intensew mill-Gvern Laburista. Fejn il-Gvern moħħu biex ikabbar l-ekonomija mingħajr ma jiffoka fuq min vera qed jagħmilha, cioè l-ħaddiema.

Hu insista illi  l-ħaddiema f’pajjiżna qed jaraw pagi baxxi aktar minn dawk f’pajjiżi oħra, b’ħafna familji lanqas ikollhom biex jgħixu fir-raba’ ġimgħa tax-xahar anke dawk il-15% tal-ħaddiema li jaħdmu kemm full-time u anke part-time.

Callus saħaq illi r-riżultati tas-sistema li adotta l-Gvern ta’ Robert Abela ma kinux pożittivi, fejn spjega illi sentejn ilu l-Gvern kellu jimplimenta direttiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-work-life balance, iżda kull ma għamel eżerċizzju fjakk kemm ikun issodisfa l-kriterji bażiċi tad-direttiva minflok ipprova jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-ġenituri li jaħdmu u li jieħdu ħsieb lil ħaddiehor. Dan filwaqt li spjega wkoll li l-mekkaniżmu tal-COLA lanqas biss jibda biex jindirizza l-istat ħażin tal-pagi f’Malta.

Kien hawnhekk fejn saħaq illi s-sistema adottata mill-Gvern ta’ Robert Abela hija waħda li qed tirriżulta fl-isfruttament tal-ħaddiema. Bl-isfruttar tal-ħaddiema qed narawh b’mod ċar fis-siti tal-kostruzzjoni fejn rajna mewt wara ieħor bla ebda bidla fis-sistema.

Andre Callus insista li hija ironika mmens illi nisimgħu jum wara ieħor kemm l-ekonomija Maltija hija bombastika iżda imbagħad il-pagi qatt ma jiżdiedu, b’riżultat illi l-ħaddiema u l-poplu Malti u Għawdxi qed jiġu abbużati bl-addoċċ.

Fid-dawl ta’ dan, Graffitti qed isejħu sabiex il-Gvern ibiddel il-mudell ekonomiku preżenti għal wieħed li jpoġġi lill-ħaddiema minflok il-profitti privati. Dawn jinkludu: riviżjoni tal-pagi fin-naħa t’isfel tal-iskala biex jiżdiedu b’mod sostanzjali, jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, ikunu riveduti l-liġijiet antikwati tax-xogħol, tiġi stabbilita entità pubblika waħda responsabbli biex tinvestiga rapporti ta’ abbuż fuq il-ħaddiema, jitneħħew miżuri amministrattivi li qegħdin ipoġġu l-ħaddiema immigranti f’pożizzjoni dipendenti u vulnerabbli fil-konfront ta’ min iħaddimhom, jiġu introdotti regoli li jorbtu fuq il-prezzijiet tal-kiri u l-ħtiġijiet bażiċi, filwaqt li tkun promossa l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jimbotta proposti sabiex jittaffew il-pjagi b’rabta ma’ dawn is-setturi kollha, bl-istess appelli saru wkoll mill-GWU u l-UĦM Voice of the Workers. Iżda Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ jdawwar wiċċu għal din il-karba tal-poplu Malti u Għawdxi.