Lokali

IR-RALLY TAL-PN: Illum tiftaħ il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Ġunju

Illum, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi l-kampanja tiegħu permezz ta’ rally fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta li tibda fis-1:30 ta’ waranofsinhar.

Preżenti għal din l-attività se jkun hemm il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola, illi se tkun qed tagħmel id-diskors tagħha – bil-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Kap tal-PN Bernard Grech.

Preżenti ukoll għal din l-attività se jkunu d-deputati tal-PN, il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati kollha tal-Parlament Ewropew se jkunu qed jagħmlu wkoll diskors qasir kull wieħed ta’ ftit minuti bħala introduzzjoni qabel isiru d-diskorsi ewlenin.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino appella sabiex il-poplu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’dawn is-sitt ġimgħat ta’ ħidma – fejn kollox jilħaq il-qofol tiegħu f’jum l-elezzjoni, fit-8 ta’ Ġunju.

Huwa esprima l-importanza tal-ewwel ta’ Mejju li mhux biss huwa Jum il-Ħaddiem imma anke l-20 sena anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.