Abela jappella għall-għaqda waqt li l-Labour maqbud fit-taqbid intern
Diskors miżgħud bl-attakki partiġjani, mimli bir-retorika ta’ aħna u huma, mifni b’narrattiva perikoluża kontra l-Partit Nazzjonalista – u f’appell qawwi għall-għaqda fost il-Laburisti nfushom.
Dawn huma l-karatteristiċi tad-diskors li għamel fl-1 ta’ Mejju l-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela l-għada li sar magħruf li l-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat, huwa suspettat flimkien ma’ numru oħrajn ta’ persuni fl-inkjesta li ftit tal-jiem ilu l-Maġistrat Gabriella Vella għalqet b’rabta mal-bejgħ tal-isptarijiet.
Robert Abela beda d-diskors tiegħu billi appella għall-għaqda bejn il-Laburisti stess u semma lil Duminku Mintoff biex jittanta jiġbed lura l-hardcore tiegħu, li sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburisti qed jisħqu li qed iwarrbu lil Abela.
F’Jum il-Ħaddiem, il-Mexxej tal-Labour insista għall-għaqda – l-istess mexxej li taħtu sar magħruf li kienu għaddejjin skandli varji fosthom l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan, tal-benefiċċji soċjali; b’nies involuti allegatament mill-Customer Care ta’ Kastilja, uffiċjali tal-Labour, Deputati Parlamentari u allegatament Ministri wkoll.
Iżda l-Erbgħa waranofsinhar Abela appella… biex jibqgħu jiġġieldu ħalli dak kollu li kisbu ma jintilifx
“Jekk ma nibqgħux niġġieldu ta’ kuljum għal dak kollu li ksibna, kollox jista’ jintilef“
Dan filwaqt li nfexx f’attakk wara l-ieħor fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista fost oħrajn saħansitra l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, ironikament wara li wasal fi Pjazza San Ġorġ akkumpanjat mill-President Emeritu George Abela – magħżul biex ikun President tar-Repubblika minn Lawrence Gonzi nnifsu.
Iżda wara dawn l-attakki kontinwi – b’mod mill-aktar surreali – deskritt mill-opinjonisti bħala appell imqanżah, saħaq għal kalma – appell għal kalma b’kundizzjoni.
“Nibqgħu kalmi iżda ma ninsewx.“
Il-Mexxej tal-Labour għażel ukoll li jattakka lil min qed jaħdem qatigħ sabiex f’pajjiżna jkun hawn il-ġustizzja u l-onestà li tixraqilna tant li saħansitra ddeskrivihom bħala persuni li jridu jiddistabbilizzaw lill-pajjiż.
Hawn min irid jiddistabbilizza l-pajjiż imma mhux se jirnexxi – ħa nibqa’ nħares l-interess tal-pajjiż – hekk ħa nagħmel fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.“
Dan jumejn biss wara li l-Kamra tal-Avukati insistiet li Abela jrid iżomm f’moħħu li hu mhux biss Mexxej tal-Laburisti… iżda Prim Ministru ta’ Malta u Għawdex.
Intant, waqt li diversi familji qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi varji fosthom l-għoli tal-ħajja – bil-prezzijiet kulma jmorru jiżdiedu u huma mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja jiġru minn impjieġ għall-ieħor, huwa insista li l-Gvern tiegħu mhux qed jgħakkes lill-ħaddiema.
Dan filwaqt li għal darb’oħra temm id-diskors tiegħu billi reġa’ tenna li għandu bżonn l-appoġġ – referenza ċara għat-taqbid intern li preżentament il-Labour għaddej minnu.
