Lokali

L-istudenti tal-liġi jerġgħu jikkundannaw lil Robert Abela

“L-insinwazzjonijiet tal-Prim Ministru huma tentattiv diżonest u mhux sinċier biex ifixkel il-fiduċja tal-pubbliku fis-sejbiet ta’ Maġistrat; attakki mingħajr ebda evidenza sostanzjali”

Kliem l-Għaqda Studenti tal-Liġi b’reazzjoni għall-attakki bla rażan tal-Prim Ministru Robert Abela fuq il-ġudikatura Maltija – fejn Abela fil-kumment li ta lill-media t-Tnejn waranofsinhar qajjem suspetti dwar il-Maġistrat Gabriella Vella li kienet responsabbli mill-Inkjesta dwar id-deal tal-Isptarijiet.

Bil-Mexxej Laburista jinsinwa illi ż-żmien tal-għeluq ta’ din l-Inkjesta – cioè l-Ħamis 25 ta’ April – kien żmien orkestrat sabiex iħarbat it-timeline politiku għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.

Bl-GĦSL jistqarru illi b’dan il-kliem, Abela qed jiżra dubji dwar l-imparzjalità tal-Maġistrat; fejn b’referenza għall-prinċipji tal-liġi huma spjegaw li “ġudikatura ta’ integrità mhix ikkontestata hija l-istituzzjoni fundamentali essenzjali biex tiġi żgurata l-konformità mad-demokrazija u l-istat tad-dritt”.

L-istudenti komplew jispjegaw illi Robert Abela – għal darb’ oħra – qed jieħu vantaġġ mill-fatt illi membri tal-ġudikatura ma jistgħux jirrispondu kummenti u attakki  fil-konfront tagħhom. B’hekk din l-għaqda universitarja qed tinsisti illi l-Prim Ministru għandu jissostanzja kliemu fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, minflok iħammeġ isem il-Maġistrat inkwerenti għal skop politiku.

Intant, l-GĦSL ikkundannat għal kollox l-aġir tal-Prim Ministru – li qed jipprova jiskredita l-amministrazzjoni tajba tal-ġudikatura.