Lokali Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea ġabet 20 sena ta’ risq fuq pajjiżna

Kitba ta' Joe Zahra

Illum l-Erbgħa 1 ta’ Mejju pajjiżna jagħlaq 20 sena membru tal-Unjoni Ewropea. Sħubija li ġabet biss risq għal pajjiżna sew f’dik li hija ekonomija kif ukoll f’dak li huwa livell tal-għajxien tal-poplu. Fi ftit ġimgħat oħra, fit-8 ta’ Ġunju se nivvutaw sabiex neleġġu s-sitt rappreżentanti ta’ pajjżna fil-Parlament Ewropew, istituzzjoni fejn mhux biss il-kelma tagħna tgħodd u tiswa daqs dik ta’ kull membru parlamentari Ewropew ieħor iżda fejn dan l-istess Parlament huwa mmexxi minn Maltija bħalna, minn Roberta Metsola, membru parlamentari Ewropew li tirrapreżenta lill-Partit Nazzjonalista fil-familja tal-Partiti Popolari Ewropew, l-ikbar partit politiku fl-Unjoni Ewropea.

Il-mixja biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea ma kinetx waħda faċli. Dejjem sabet l-oppożizzjoni tal-Partit Laburista. B’Mintoff ipinġi l-Ewropa tal-Punent bħala l-Ewropa ta’ Kajin. B’Karmenu Mifsud Bonnici totalment kontra kull tip ta’ assoċjazzjoni mal-UE. B’Alfred Sant jgħid li fl-UE nkunu makku.

L-ewwel pass

Il-PN iżda dejjem kellu fiduċja fil-poplu. Qatt ma qata’ qalbu. Sa mill-1962, Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, beda t-triq biex ikollna xi forma ta’ assoċjazzjoni mal-Komunità Ekonomika Ewropea (il-predeċessur tal-UE). Wara l-kisba tal-Indipendenza u wara ħafna taħditiet u negozjati f’Diċembru 1970 pajjiżna assoċja mal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE). Ftehim li kellu jwassal għal għaqda doganali sħiħa fi żmien 10 snin.

Dan ma kienx dak li ried il-Partit Laburista fil-Gvern li ftit li xejn għamel mill-istrumenti marbuta ma’ dan il-ftehim. Kellu jkun Gvern Nazzjonalista ieħor mmexxi minn Eddie Fenech Adami li reġa’ qabad it-triq lejn sħubija fil-KEE. Li għamel l-applikazzjoni biex nissieħbu. Li beda l-proċeduri u l-ħidma biex il-liġijiet ta’ pajjiżna jkunu konformi ma’ dawk tal-KEE.

Għal darb’oħra l-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant tela’ fil-Gvern fl-1996 u l-ewwel miżura li ħa kienet li jiffriża l-applikazzjoni ta’ Malta. Ried Żvizzera fil-Mediterran li l-poplu ma riedx tant li wara 22 xahar dawwarlu rebħa f’telfa kbira.

It-tieni pass

Immedjatament wara l-elezzjoni tal-1998, il-Gvern Nazzjonalista mill-ġdid immexxi minn Eddie Fenech Adami irriattiva l-applikazzojni ta’ Malta għal sħubija u beda l-aħħar mixja fit-triq biex nissieħbu.

Sejjaħ referendum dwar is-sħubija li rebaħ. Riżultat li l-Partit Laburista ma aċċettax iżda dan ma qatax qalb Eddie Fenech Adami li f’ħames ġimgħat sejjaħ elezzjoni li kellha bħala tema s-sħubija ta’ Malta fl-UE. Elezzjoni li rebaħ.

Dan kollu wassal biex fl-1 ta’ Mejju 2004 Malta flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra saret membru tal-UE. Din kienet għall-UE l-ikbar żieda fil-membri. Għalina, l-iżgħar stat membru tal-UE, kienet rebħa kbira li kellha tressaqna iktrar qrib l-Ewropa li minn dejjem konna parti minnha anki jekk kien hemm min ried ibegħedna minnha.

20 sena ta’ sħubija

Dan għall-istorja. Iżda x’ħadna f’dawn l-aħħar 20 sena ta’ sħubija?

Ftit wara li sseħibna għamilna żewġ passi oħra importanti dejjem taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Din id-darba taħt Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi sseħibna fiz-zona ewro u sseħibna fiż-żona Shengen. Żewġ deċiżjonijiet li komplew ressquna aktar qrib l-Ewropa u li komplew ġabu risq fuq pajjiżna.

Iz-zona ewro tagħtna s-saħħa li nkunu parti minn munita unika li hija valuta legali f’20 stat membru tal-UE. Hemm imbagħad Stati żgħar li għandhom ftehim formali mal-UE biex jużaw l-ewro bħala l-munita uffiċjali tagħhom.

Dawn il-pajjiżi kollha jinnegozjaw bl-istess munita u għalhekk jonqsu l-ispejjeż tal-kambju. Kif jonqsu għat-turisti li jivvjaġġaw bejn il-pajjiżi membri taz-zona ewro li jistgħu jixtru u jħallsu kontijiet bl-istess munita li jużaw f’pajjżhom.

Barka għal pajjiżna

Għal pajjiżna din kienet barka kbira. L-ewwel nett għaliex fetħitilna suq ta’ 400 miljun fejn nistgħu nesportaw il-prodotti li nippoduċu u suq kbir għat-turiżmu mill-pajjiżi membri taz-zona ewro. Dan jidher mill-fatt li filwaqt li sa ftit tas-snin ilu s-suq turistiku tagħna kien jiddependi għall-parti l-kbira tiegħu mis-suq Ingliż, issa li r-Renju Unit m’għadux parti mill-UE, turisti minn pajjiżi mill-UE bħall-Italja, Franza u l-Ġermanja huma iktar numerużi f’pajjiżna.

Pajjiżna qed igawdi wkoll minn eluf ta’ miljuni ta’ ewro ta’ fondi li jintużaw għall-iżvilupp u li mingħajrhom proġetti kbar ma kinux iseħħu.

Mill-fondi tal-UE bnejna istituzzjonijiet edukattivi fosthom il-kampus l-ġdid tal-MCAST, it-tkabbir tal-Università u skejjel mgħammra b’kollox; bnejna sptarijiet fosthom l-Isptar tal-Onkoloġija; tliet impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ qabel dan jintefa’ l-baħar; bdiet ir-riabilitazzjoni tal-miżbliet li kellna f’pajjiżna; inbena netwerk sħiħ ta’ toroq li jwasslu minn tarf sa tarf ta’ Malta u minn tarf sa tarf ta’ Għawdex; bnejna it-terminals tal-vapur ta’ Għawdex fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa; twettqu diversi proġetti ta’ restawr li kienu jinvolvu għexieren ta’ miljuni fosthom il-Palazz Presidenzjali, l-Imdina, iċ-Ċittadella, is-swar madwar l-bliet fortifikati, il-Mużew Martittimu; kienu mgħejjuna s-setturi industrijali u turistiċi; iż-żgħażagħ tagħna.

Dawn kollha proġetti li għenu fl-iżvilupp ta’ pajjiżna u komplew poġġewna fost il-pajjiżi żviluppati tal-Punent.

Stabbiltà

L-UE tatna wkoll stabbiltà għax nafu li nagħmlu parti minn għaqda ferm ikbar minnha li nistgħu nħarsu lejha għall-għajnuna anki jekk hawn minn jagħmel ta’ bir-ruħu li m’għandna bżonn ħadd. Mingħajr stabbiltà ma jkun hemm ebda progress.

L-UE qegħdha hemm biex tiddefedi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Dawn huma tliet rekwiżiti li jagħmlu mill-UE unika. L-aħjar blokk ta’ pajjiżi fid-dinja. Li juri kemm il-mexxejja Nazzjonalisti kienu jħarsu ’l quddiem meta għal aktar minn 70 sena ħadmu biex pajjiżna jkollu rabta l-ewwel mal-Ewropa tas-Sitta, il-Komunità Ekonomika Ewropea u wara mal-UE li hija ferm akbar u li llum tiġbor fiha 27 pajjiż.

Pajjiżna dejjem kien fl-Ewropa u mal-Ewropa. Issa li nagħmlu parti mill-Ewropa tas-27 irridu nkomplu naħdmu biex kif għamilna fl-aħħar 20 sena, nieħdu dak kollu biex pajjiżna jkompli jiżviluppa u jtejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu tiegħu.