Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-PN iniedi l-kampanja għall-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju

“Qed niftħu kampanja elettorali f’mument kritiku għal pajjiżna. Aħna nemmnu li s-sewwa jirbaħ żgur”.

Hekk stqarr David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, meta l-Erbgħa indirizza r-rally organizzat mill-PN fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.

Wara dak li seħħ ilbieraħ dwar il-każ tal-Vitals, David Casa qal li huwa traditur dak li seraq lill-poplu Malti u mhux min ħadem biex jiqaflu.

L-MEP Nazzjonalista qal li hu se jibqa’ jiddefendi s-sewwa.

Irrefera wkoll għar-rapporti fuq il-media Laburista, u tenna li hu se jibqa’ jitkellem b’saħħa favur il-ġustizzja u l-libertà tal-Qrati u tal-ġudikatura.

Rally f’atmosfera mill-isbaħ fil-Mosta

Waqt ir-rally fil-Mosta, il-kandidat tal-PN David Agius fakkar fil-mixja politika li wasslet biex il-PN daħħalna fl-Unjoni Ewropea. Hu insista li din il-ħidma trid tkompli flimkien, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.

David Agius fakkar li l-mira tal-PN għandha tkun li tissaħħaħ il-vuċi tal-Maltin fil-Parlament Ewropew, permezz tat-tielet siġġu għall-Partit Nazzjonalista. “Irridu naħdmu għal Malta aħjar”, tenna David Agius.

Il-kandidat tal-PN Peter Agius tenna li bħalissa hawn min qed jaħseb li jista’ jabbuża bid-demokrazija. “Malta mhux se tħallih, aħna mhux se nħalluh”, stqarr Agius.

B’team imsaħħaħ fil-Parlament Ewropew, il-PN se jaħdem biex iġib il-benefiċċji kollha tal-UE. Peter Agius insista li se juża l-esperjenza tiegħu biex iġib l-aħjar għal Malta, permezz ta’ mewġa ta’ bidla.

Lee Bugeja Bartolo, minn naħa tiegħu, qal li bħala wiċċ ġdid qed joffri viżjoni u ħidma intensiva għall-ġid tan-nies.

Hu qal li l-pajjiż irid jaħdem biex jiżviluppa setturi ekonomiċi ġodda, li joffru pagi aħjar. Dan apparti l-ħtieġa ta’ sistema modena ta’ trasport pubbliku, ambjent aħjar, u proprjetà aktar affordabbli.

Norma Camilleri, fid-diskors tagħha, qalet li l-prinċipji jibqgħu l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha. Hi qalet li l-vot għandu jmur għal kandidati leali u onesti.

“Flimkien nistgħu nagħmlu differenza, u naħdmu għall-benefiċċju tal-poplu kollu”, qalet Norma Camilleri. Hi qalet li l-PN qed jippreżenta team li joffri l-aqwa alternattiva għal pajjiżna.

Il-kandidata Louise Anne Pulis tkellmet dwar l-attakki li qed isiru fuq il-ġudikatura u insistiet li l-korruzzjoni tattakka d-demokrazija fil-qalb.

Tkellmet ukoll dwar it-traffiku, l-għoli tal-ħajja u l-qerda tal-ambjent. Huwa proprju għalhekk li jeħtieġ vot b’saħħtu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Miriana Testaferrata de Noto, minn naħa tagħha insistiet li l-politika għandha tkun għodda pożittiva li tintuża għall-ġid tal-familji u taż-żgħażagħ. Hi, bħala żagħżugħa, wasslet appell qawwi biex iż-żgħażagħ ma jibżgħux jesprimu ruħhom bil-vot tagħhom.

Hi tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-PN ikollu tliet rappreżentanti fil-Parlament Ewropew, li jwasslu għal aktar ħidma pożittiva.