Lokali Qorti

Seba’ snin u nofs ħabs wara li sawwat anzjana u serqilha l-flus

Keith Cremona ta’ 36 sena mill-Belt Valletta ġie kundannat seba’ snin u nofs ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera f’ġuri li nstema’ bla ġurati wara li nstab ħati ta’ serq aggravat ta’ (madwar €465) mingħand anzjana wara li daħal f’darha f’San Ġiljan fis-sena 2005.

Ir-reat seħħ f’Lulju meta Cremona kellu biss 17-il sena. Huwa nstab ħati li żamm lil Bernardette Meilaq kontra l-volontà tagħha u weġġagħha serjament meta taha daqqa ta’ telephone fuq rasha u qalgħalha spallitha minn postha.

Mill-provi ħareġ kif il-mara anzjana kienet għall-affari tagħha f’darha ssajjar meta sabet ruħha mkaxkra u msawta fuq rasha minn tliet irġiel. Kollox seħħ fi ftit ħin meta marret tiftaħ il-bieb ta’ barra. Is-serqa seħħet 19-il sena ilu.

Il-vittma kienet laħqet mietet, kellha 69 sena. Hi kienet tat ix-xhieda tagħha waqt il-kumpilazzjoni fil-Qorti tal-Maġistrati u din inqrat quddiem l-Imħallef Scerri Herrera. Meilaq kienet xehdet kif għodwa minn ta’ Lulju għall-ħabta tad-9.30am kienet qed issajjar meta ħabbat il-bieb.

Qal li kif kienet dawret xugaman magħha u marret tiftaħ sabet tliet irġiel ma tafhomx. Huma daħlu fuqha, imbuttawha u waqqgħuha għal tulha fl-art. Minnufih talbuha l-flus iżda hi qaltilhom m’għandha xejn iżda jistgħu jieħdu l-oġġetti li kellha.

Qalet li wieħed minnhom qalilha li jrid il-flus f’idu għax għandu żewġt itfal u għandu bżonn il-flus. Tnejn minnhom bdew iqellbulha darha, it-tielet wieħed, li aktar tard ġie ddentifikat li kien Cremona, kaxkarha tul il-kurutur kollu u ħadha fil-kċina.

Hemm sab ‘cordless telephon’e u sawwatha f’rasha bih. Kienet spjegat ukoll kif beda jirwilha idejha l-lemminija u kawża t’hekk qalgħalha spallitha. Mal-Pulizija, il-vittma kienet qalet kif wieħed minnhom kellu arma tan-nar.

Huma kienu ħarbu minn fuq il-post b’Lm200 madar 460 ewro, li dak iż-żmien li kellha fil-portmoni. Muġugħa bid-demm ħiereġ minn rasha hija rnexxielha tasal sal-bieb ta’ barra iżda waqgħet fuq il-bankina.

Il-Qorti kompliet tisma’ kif l-investigazzjonijiet bdew mal-ewwel iżda għaddew is-snin meta l-pulizija rċeviet tagħrif kunfidenzjali li l-akkużat kellu sehem f’dan ir-reat. Prova mill-aktar b’saħħitha fil-każ kienet il-marki tas-swaba’ tiegħu nstabu fid-dar tagħha.

Il-Qorti sentejn ilu waqt li kienu laqgħet żewġ eċċezzjonijiet minn naħa tad-difiża fejn kienet ordnat it-tneħħija ta’ l-istqarrija li Cremona kien ta lill-Pulizija u tneħħiet ukoll l-akkuża tar-reċidiva. Tard it-Tliera filgħaxija, il-Qorti sabitu ħati għall-akkużi u kundannatu seba’ snin u nofs ħabs.

Huwa ġie ordnat iħallas ukoll l-ispejjeż tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonett u Kevin Valletta. Għal Keith Cremona qed jidhru l-avukat Arthur Azzoppardi, David Gatt u Ishmael Psaila.