Internazzjonali

Stati Uniti: Battalji intensivi fl-Universitajiet li qed jirriflettu t-tensjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Pulizija Amerikana qed issibha diffiċli biex tikkontrolla l-battalji li ilhom il-ġranet għaddejjin fil-kumplessi tal-università madwar l-Istati Uniti. Gruppi ta’ studenti qed jappoġġjaw lil Iżrael fil-gwerra ta’ Gaza u qegħdin jikkonfrontaw lill-istudenti favur il-Palestinjani u li qed jesiġu għall-waqfien tal-konflitt (f’Gaza) li ilu għaddej mis-7 ta’ Ottubru.

L-awtoritajiet tad-Dipartimenti tal-Edukazzjoni Għolja fl-Istati Uniti huma partikularment ixxukkjati dwar il-‘livell terribbli ta’ vjolenza’ li ddominat f’zona okkupata mis-sostenituri tal-Palestinjani fl-Università ta’ Kalifornja (UCLA) f’Los Angeles. Dan wara li l-Pulizija fi New York kienu żgumbraw hekki msejħa ‘encampments’ simili waqt dimostrazzjonijiet f’università oħra ewlenija.

L-aħħar inċidenti vjolenti seħħew matul illejl tat-Tlieta u l-Erbgħa – bl-iskwadri għal kontra l-irvellijiet iwieġbu mill-aktar fis għall-emerġenzi,

Intant, l-awtoritajiet jemmnu li l-universitajiet fl-Istati Uniti għad iridu jgħaddu minn aktar protesti vjolenti dwar il-gwerra ta’ Gaza – u meta d-dimostranti favur il-Palestinjani qed jinsistu għall-bojkott totali tal-kumpaniji u individwi fl-Istati Uniti bir-rabtiet ma’ Iżrael.

Waqt li jiem ilu kienu jispikkaw l-aktar id-dimostranti favur il-Palestinjani fil-kampuses tal-universitajiet, jidher li d-dimostranti favur Iżrael, issa, qed joħorġu bi ħġarhom – b’mod partikulari fl-Università ta’ Kalifornja u l-Università ta’ Columbia fi New York.

Il-filmati mill-kampus tal-UCLA wrew lill-gruppi tad-dimostranti mgħammdin – kollha favur Iżrael – huma u jattakkaw u jsawtu lid-dimostranti rivali bl-injam. Dan waqt li l-istess dimostranti aggressivi kienu qed ikissru l-barrikati fl-inħawi fost sensiela ta’ azzjonijiet koordinati.

Fl-aħħar sigħat, l-osservaturi fuq il-kampus tal-UCLA qalu li l-battalji bejn id-dimostranti favur il-Palestinjani u l-oħrajn favur Iżrael ma qatgħux, matul illejl. Il-battalji, fi kliemhom ‘laħqu livell partikulari  fost l-inċitament għal aktar vjolenza’ – tant li l-pulizija fl-inħawi kienu kostretti li jisparaw il-gass tad-dmugħ fuq in-nies.

Il-ġlied kien daqstant ieħor intensiv fl-Università ta’ Columbia fejn gruppi tal-istudenti okkupaw bini bl-isem Hamilton Hall li jifforma parti mill-kampus. Il-Pulizija, sigħat wara, intervjenew bi ħġarhom fejn arrestaw numru sinifikanti ta’ nies.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat kienu rappurtati inċidenti vjolenti oħra bejn l-istudenti rivali fis-City College ta’ New York, l-Università ta’ Florida u l-Università ta’ Chapel Hill f’North Carolina bl-inċidenti jirriżultaw ukoll fl-arresti.