Lokali Qorti

Żball indikat fil-ħin meta seħħ allegat reat ta’ vjolenza domestika wassal biex raġel jiġi lliberat

Żball fil-ħin ta’ meta allegat reat minn Sloven ta’ 36 sena li jgħix il-Belt wasal biex dan ma jinstabx ħati li sawwat lis-sieħba għax waqt li l-akkuża indikat ħin partikolari meta seħħ ir-reat u dan meta l-pulizija li marru fuq il-post xehdu li l-argument seħħ sigħat wara.

Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-vittma, li hi Taljana. Ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Audrey Micallef li fil-Milied tal-2022, f’xi ħin bejn il-5am u s-6am fid-dar fejn jgħix, ikkaġuna ferita ħafifa fuq il-mara u insultaha kif ukoll li erba’ t’ijiet wara, jiġifieri fid-29 ta’ Diċembru 2022 heddidha.

Il-Pulizija kienet imsejħa fuq il-post fl-10.15am tal-25 ta’ Diċembru wara li rċeviet telefonata mingħand persuna li semgħet għajjat fid-dar tal-akkużat. L-akkużat fetħilhom u talab lill-Pulizija joħorġu lill-allegata vittma minn daru u hawn il-mara qaltilhom li kien taha daqqa ta’ ponn f’wiċċha.

Il-mara għamlet ukoll rapport lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija li bdiet tinvestiga u ressqet lir-raġel fil-Qorti Il-pulizija li dakinhar marru fuq il-post xehdu li huma ma raw ebda sinjali ta’ vjolenza fuqha waqt li xammewlha riħa qawwija ta’ xorb u żiedu li ħaduha f’darha fuq talba tagħha.

Fix-xiehda tagħha l-mara ammettiet li kienet xurbana u li pejpet il-cannabis waqt li żiedet li ma tafx kif qam argument bejniethom imma tiftakar li taha daqqa ta’ ponn. Min-naħa tiegħu, l-akkużat xehed li huwa kien qalilha biex ma tiħux droga f’daru għax beża’ li jekk jaqa’ xi ħaġa mal-art jistgħu jikkunsmawha l-klieb imma hija bdiet tieħu d-droga, bdew jargumentaw u beda jiġbidha ‘l barra minn daru.

Il-Maġistrat Rachel Montebello, li semgħet il-każ irrimarkat li waqt li fl-akkuża jingħad li l-allegat reat seħħ bejn il-5am u s-6am, l-argument jidher li seħħ sigħat wara kif xehdu l-pulizija li kienu fuq il-post f’xi ħin bejn id-9am u l-10am.

Kien għalhekk li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkuża fil-konfront tal-akkużat u lliberatu. Hi lanqas ma sabitu ħati li bagħtilha theddid fuq il-mobile għax ma tresqitx prova li l-mobile phone li minnu allegatament intbagħat it-theddid kien konness miegħu.