Lokali

“20 sena wara għadna qed ingawdu l-frott tal-UE” – Bernard Grech

Hekk kif din il-ġimgħa pajjiżna fakkar l-20 anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-Istitut għall-Istudji Ewropej organizza wirja fuq il-kampus tal-Universita l-Antika fil-Belt Valletta – attività li laħqet il-qofol tagħha l-Ħamis, b’diskussjonijiet varji fuq il-proġett Ewropew u l-futur tal-UE.

Mistieden bħala kelliem għal din l-attività kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech illi tkellem fuq ix-xogħol li sar u għadu qed isir min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Huwa fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li stinka biex isseħibna fl-Unjoni Ewropea fl-2004, u b’hekk għadna ngawdu l-frott u l-opportunitajiet li din l-Unjoni għadha toffri – inkluż vuċi fl-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom b’sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

Bernard Grech saħaq kif bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea, illum il-ġurnata qed inkomplu nikbru bħala nazzjon u bħala poplu, b’opportunitajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u bi tkabbir ekonomiku grazzi għall-fondi li akkwistajna tul is-snin.

Il-Kap tal-PN stqarr li l-poplu Malti jibqa’ dejjem grat għas-sbuħija fl-Unjoni Ewropea u fakkar kif bil-munita ewro komplejna nissaħħu għall-ġejjieni.

Bernard Grech ħeġġeġ lil dawk preżenti sabiex fit-8 ta’ Ġunju joħorġu jivvutaw daqslikieku se jerġgħu jivvutaw ‘Iva’ bħalma għamlu 20 sena ilu.

Intant, il-wirja li saret fl-Università tal-Belt kopriet il-perjodu ta’ qabel is-sħubija, in-negozjati, kif ukoll avvenimenti importanti ta’ wara s-sħubija – inkluż meta Malta adottat l-ewro fl-2008, u l-Presidenza tal-UE fl-2017.