Lokali

Abela jimplika li l-ġudikatura qed tinfluwenza r-riżultat elettorali

Il-Prim Ministru kompla bl-attakki perikolużi fuq il-Maġistrat Gabriella Vella

Il-Prim Ministru Robert Abela, fit-tieni jum tal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli u Parlament Ewropew, issokta bl-attakki feroċi u irresponsabbli fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella u tal-ġudikatura wara li din l-istess Maġistrat għalqet l-inkjesta tal-Vitals.

Il-Ħamis filgħodu, fil-Foss tal-Imdina, Abela mhux talli kompla bl-attakki perikolużi fil-konfront tal-Maġistrat Vella u l-ġudikatura, iżda wkoll ħareġ b’attakki fuq il-Kamra tal-Avukati.

Kien Net News illi fakkar kif il-Kamra tal-Avukati insistiet li l-ġudikatura ma tistax tiġi imminata, u li kwalunkwe kritika m’għandhiex issir għal skopijiet politiċi jew partiġjani. Abela, minflok jirtira kliemu ħareġ jattakka lill-Kamra tal-Avukati wkoll.

Mistoqsi dwar jekk jaqbilx mal-kumment tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat; ċioè li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kontra l-Laburisti, il-Mexxej tal-Labour kompla hu stess jattakka lill-Maġistrat Vella. Saħansitra ta x’jifhem li hija parti mis-suppost establishment li kontinwament isemmi. Hawnhekk Net News staqsieh min huwa l-establishment, b’Abela jgħid li dan magħmul minn istituzzjonijiet differenti.

Dan ifisser li mhux talli Abela spiċċa jattakka l-ġudikatura, iżda issa ngħaqad ma’ Muscat fl-attakk fil-konfront tal-istituzzjonijiet.

Kummenti deskritti bħala perikolużi – Abela t-Tlieta filgħodu kompla jinsisti li l-establishment huwa dak li jaħdem minn wara l-kwinti, dak li jaħfer imma ma jinsiex – ironikament wara anqas minn 24 siegħa qabel li Abela appella għall-kalma, filwaqt li fakkar lil-Laburisti biex ma jinsewx.

Fil-konferenza li matula tnidew il-kandidati għall-MEPs, Robert Abela sostna li d-deċiżjoni u t-timing tal-għeluq tal-inkjesta ġew deċiżi mis-sigriet tas-sigrieta – attakk sistematiku fuq il-ġudikatura fejn saħansitra bl-aktar mod ċar qed jagħti x’jifhem li b’xi mod il-Maġistrat saħansitra riedet tinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju,

Attakk – wieħed wara l-ieħor – minn Robert Abela li suppost jirrappreżenta lil Malta u Għawdex fil-konfront tal-ġudikatura – minkejja l-appelli sabiex iżomm f’moħħu li hu mhux biss liebes żarbun ta’ Mexxej Laburista, iżda wkoll ta’ Prim Ministru.