Lokali

Chris Fearne jgħid lill-Grupp Parlamentari li lest jirriżenja jekk jissemma fl-inkjesta tal-Vitals

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq mal-Grupp Parlamentari tal-Labour, li jekk ismu jissemma fl-inkjesta huwa jirriżenja.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta MaltaToday hekk kif sorsi spjegaw li isem id-Deputat Mexxej tal-Labour qed jissemma b’insistenza bħala wieħed minn ħafna li possibbilment jistgħu jissemmgħu bħala wieħed mis-suspettati fl-inkjesta tal-Vitals.

Jidher li tali stqarrija min-naħa ta’ Fearne, ħolqot rebus sħiħ fil-Grupp Parlamentari ta’ Abela u bosta sorsi qrib il-gazzetta jisħqu li qed jistennew inkwiet kbir fil-kurituri ta’ Kastilja.

Aktar kmieni din il-ġimgħ, f’xhieda tal-Qorti ntqal li l-Maġistrat Gabriella Vella kienet temmet l-inkjesta tagħha u għaddiet lill-Avukat Ġenerali xejn inqas minn 78 kaxxa ta’ evidenza… madanakollu l-konklużjonijiet tal-inkjesta mhux pubbliċi.

Sa issa rapporti fil-midja indipendenti żvelaw li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri huma fost lista twila ta’ individwi u kumpaniji suspettati… b’sorsi qrib il-Labour mhux jeskludu l-involviment ta’ Ministru ieħor u uffiċjali għolja oħrajn.

Chris Fearne mistenni jkun in-nomina tal-Gvern għal Kummissarju Ewropew wara l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju… fatt li jekk dak li qed jiġi rrapportat iseħħ ipoġġi n-nomina tiegħu f’dubju kbir.