Internazzjonali

Eurovision: Tensjoni straordinarja dovuta għall-parteċipazzjoni tal-kantanta Eden Golan

Il-kantanta ta’ Iżrael għall-Eurovision qed ikollha tgħix taħt sigurtà enormi b’konsegwenza tal-gwerra li għaddejja f’Gaza. Bħala prekawzjoni, Eden Golan qed ikollha tibqa’ magħluqa fil-kamra tal-lukanda fl-Iżvezja waqt il-ħinijiet meta hi ma tkunx għaddejja bil-provi fuq il-palk.

Il-finali tal-Eurovision ta’ dan ix-xahar se jsiru fil-belt ta’ Malmo, bl-organizzaturi qed ikunu attenti ħafna għall-protesti dwar is-sehem ta’ Iżrael min-naħa tal-elementi li jissimpatizzaw mal-Palestinjani. Dan meta hemm anki l-kantanti ta’ pajjiżi oħra li mhumiex kuntenti bil-preżenza ta’  Eden Golan  li, bħalhom, qed tattendi għall-avvenimenti uffiċjali kollha relatati mal-Eurovision.

Eden Golan, li għandha 20 sena, waslet f’Malmo, din il-ġimgħa, fejn kienet akkumpanjata minn skorta tas-sigurtà kbira. Il-kantanta, sadanittant, kienet liebsa pin biex turi s-solidarjetà tagħha mal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza.

Il-Pulizija Żvediża anki talbet għar-reinforzi mid-Danimarka u n-Norveġja biex issaħħaħ in-network tas-sigurtà waqt il-finali tal-Eurovision. Il-finali li qed jiżvolġu f’wieħed mill-aktar avvenimenti  mużikali kontroversjali għal snin fl-Ewropa, fost is-sejħet għal bojkott ġenerali minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Iżrael.