Internazzjonali

Franza: L-inkwiet dwar l-isfidi lill-ħaddiem jiddomina l-aħħar dimostrazzjonijiet kbar f’Pariġi

Il-poplu Franċiż, permezz tad-dimostrazzjonijiet pubbliċi f’Pariġi għall-ewwel ta’ Mejju, wassal messaġġ ċar lill-Gvern dwar il-ħtieġa għal reviżjoni xierqa tas-salarji minħabba l-għoli tal-ħajja . Dan fost oħrajn, meta dejjem aktar konsumaturi fil-pajjiż ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-ikel għoljin u sfidi oħra tal-ħajja.

Jum l-Ewwel ta’ Mejju hu dejjem avveniment kbir għall-ħaddiema fi Franza li jużaw l-okkażjoni biex ifakkru fid-drittijiet ‘indiskutibbli’ tagħhom. Qed jingħad li għad-dimostrazzjonijiet tal-Erbgħa ħarġu ‘l fuq sew minn 220,000 Franċiż bl-islogans komuni ‘biex il-Gvern jagħti każ aktar is-sitwazzjoni tal-ħaddiem’.

L-analisti politiċi, issa, qed jistennew biex jaraw kif il-Gvern tal-President Emmanuel Macron se jwieġeb għad-dimostrazzjonijiet, fost sitwazzjoni li qed tirrifletti rabja soċjali għat-tnaqqir tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għal diversi faxxex tal-poplu.

Għajta ewlenija oħra li dwiet fit-toroq ta’ Pariġi kienet biex in-nisa Franċiżi jitħallsu s-salarji li tassew jixraq il-kapaċitajiet tagħhom fid-diversi setturi u bħala parti mill-kunċett tal-ugwaljanza.

F’dan l-ambjent mill-aktar politiċizzat, spikkaw ukoll id-domandi għall-paċi f’Gaza minbarra l-protesti kontra l-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku li għandhom isiru f’Pariġi dan is-sajf.

Iċ-ċirkustanzi huma delikati ħafna għall-Gvern Franċiż qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se jsiru fid-9 ta’ Ġunju.

Hu wkoll indikattiv li Jordan Bardella, il-kandidat estremista tal-lemin mal-Partit Nazzjonali Rassemblement, qed igawdi vantaġġ komdu ħafna fuq il-kandidati l-oħra mid-diversi naħat tal-ispektrum politiku fi Franza.

Fil-fatt, u skont l-aħħar stħarriġ tal-IPSOS, l-Alleanza ċentrista Renaissance tal-President Macron, jeħtieġ li jegħleb distakk ta’ xejn anqas minn 15-il punt perċentwali mal-Partit ta’ Bardella.