Internazzjonali

Georgia: Aġir anti-demokratiku li qanqal il-kundanna tal-Unjoni Ewropea

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qed tinkwieta dwar il-kampanja anti-demokratika li t-Tmexxija ta’ Georgia qed tmexxi kontra niesa stess. Dan waqt li hi wissiet li l-ġranet li ġejjin se jkunu kruċjali għal dan l-eks Stat Sovjetiku b’ambizzjonijet li, xi darba, jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern fi Tbilisi, intant, qed jaħseb biex jintroduċi liġi dwar l-indħil minn barra u li għandha jkollha impatt dirett u detrimentali ħafna għall-istampa ħielsa fost oħrajn.

Il-liġi li mistennija tgħaddi dalwaqt wasslet għal sensiela ta’ dimostrazzjonijiet fi Tbilisi fejn il-folol li ħarġu jipprotestaw kontra tagħha spiċċaw suġġetti għall-vjolenza taħt idejn il-pulizija li anki wettqu numru ta’ arresti.

Id-dimostranti qalu li huma ‘il-vuċi’ tal-maġġoranza assoluta ta’ Ġorġjani li jridu futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-President von der Leyen qalet li hi qed issegwi s-sitwazzjoni  f’dan il-pajjiż bi preokkupazzjoni kbira. Dan waqt li hi kkundannat bla riservi l-vjolenza fit-toroq ta’ Tbilisi li hi riflessjoni ta’ Gvern intolleranti u awtokratiku.

L-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin, stqarret li l-poplu ta’ Georgia irid futur sod u demokratiku għal pajjiżu li bħalissa jinsab f’salib it-toroq.

L-analisti politiċi barra Georgia, intant, jemmnu li r-Russja tista’ qed twettaq pressjoni fuq il-Gvern fi Tbilisi biex jaddotta politika dejjem aktar ripressiva għall-Ġorġjani. U l-vjolenza tal-bidu tax-xahar fi Tbilisi qanqlet ukoll il-kundanna ta’ Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet barranin u s-Sigurtà tal-UE.

Il-liġi kontroversjali li tant qajjmet inkwiet hi magħrufa bħala ‘il-Liġi tar-Russja’. L-abbozz jirrikjedi lill-media u l-entitajiet mhumiex kummerċjali  biex jirreġistraw ruħhom bħala organizzazzjonijet ‘ikkontrollati minn barra’ f’każ li huma jirċievu aktar minn 20 fil-mija tal-finanzjament tagħhom mingħand l-istituzzjonijiet ‘il hinn minn Georgia.

Il-kritiċi ftit għandhom  dubju li l-liġi se sservi bħala sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti ħielsa filwaqt li xxekkel il-ħidma tal-organizzazzjonijiet mhumiex affiljati mal-Gvern. Dan meta r-Russja, fl-aħħar xhur, adottat leġislazzjoni simili biex toħnoq l-ilħna u l-opinjonijiet tal-gruppi li huma kritiċi tal-Kremlin u tal-President Vladimir Putin.