Lokali

“Il-kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista se jkunu hemm biex jagħtuk servizz u jaħdmu għalik” – Bernard Grech

Huwa l-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali u huwa Partit Nazzjonalsita li dejjem tagħhom iktar setgħa biex ikunu ta’ servizz għalik.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt It-tnedija tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, waqt li kompla jgħid li huwa l-Partit Nazzjonalsita li jemmen fil-politikà li tagħti s-saħħa lil-lokalitajiet.

Il-lokalitajiet għandhom ikollhom is-saħħa u dawn m’għandhomx ikunu biss customer care kif jixtieq Gvern Laburista, saħaq Bernard Grech.

Bernard Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista se jkollu programm għal kull lokalità u kif il-kusilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista jaraw li jsiru studji varji biex jiżguraw investiment infrastruturali skont il-ħtieġa ta’ kull lokalità, jaraw ukoll li ssir pressjoni fuq il-Gvern biex jiżguraw l-indafa u li jinġabar l-iskart kif suppost.

Il-Partit Nazzjonalsita għandu programm bi ħtiġijiet speċjali skont kull lokalità, kompla jsostni Bernard Grech waqt li spjega wkoll kif kunsilliera f’isem il-PN huma kollha hemm biex jagħtu servizz għal kull Malti u Għawdxi.

Pajjiżna jinsab f’punt delikat u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viċin il-poplu biex pajjiżna jkollu t-tmexxija li jistħoqlu, għalhekk fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju għażel kunsilliera li jaħdmu għal ġid tiegħek, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Permezz tal-vot tiegħek agħti mesaġġ li trid pajjiż nadif u kunsilliera li jaħdmu għalik, temm jgħid Bernard Grech.