Lokali Parlament

Il-PL inqabad jabbuża bil-voti fis-Siġġiewi


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fl-Aġġornament tal-Parlament li l-PL inqabad jabbuża bil-voti fis-Siġġiewi.


Paula Mifsud Bonnici qalet li l-PL beda jixtri l-voti għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew u sostniet li l-PL beda kampanja ta’ kif se jixtri l-voti mingħand in-nies. Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern hu ggranfat mal-poter tant li qed jattakka lill-Qorti, l-uniku istituzzjoni li qed taħdem fil-pajjiż.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-PN jemmen li l-elezzjonijiet ġenerali għandhom ikunu rispettati, mhux kif għamel il-PL fl-1981. Il-ġudizzju tan-nies ma jagħti l-ebda dritt lill-gvernijiet li jgħaddu minn fuq in-nies fil-leġiżlatura. Hi semmiet il-każ tal-voti fis-Siġġiewi fejn 99 vot inqalbu fuq appartamenti li għandhom mhux abitabbli.


Paula Mifsud Bonnici kompliet li l-PN ma jrid ineħħi l-vot lil ħadd, anzi jrid li jwaqqaf lill-gvern milli jkompli jikser il-liġi. Jirriżulta li f’Marzu li għadda ħareġ ir-reġistru elettorali u ma kien hemm ħadd reġistrat f’dawn l-appartamenti ġodda fis-Siġġiewi għaliex fil-verità f’dawn l-appartamenti ma joqgħod ħadd għax għadhom mhumiex lesti.


Il-gvern induna li se jitlef il-maġġornaza fis-Siġġiewi u għalhekk qabad dawn id-99 persuna li ngħataw post u kollha ġegħluhom jaqilbu l-vot fuq is-Siġġiewi. Sal-aħħar ta’ Marzu dawn in-nies ma kinux jidhru fuq ir-reġistru tas-Siġġiewi iżda issa qed jidhru kollha. Il-gvern qed jipprova jgħid li din mhix mossa maħduma u li dawn in-nies kollha bidlu l-indirizz tagħhom fuq postijiet li mhumiex abitabbli.


Paula Mifsud Bonnici kompliet li 70% tal-persuni li ngħataw dawn il-postijiet, kollha ġejjin mid-distrett tal-Ministru Roderick Galdes li hu responsabbli mid-djar. Hu ovvja li dawn ingħataw il-postijiet qabel l-elezzjoni ġenerali biex jivvutaw lill-PL u lill-Ministru Galdes.


Dawn in-nies kollha ġew imġiegħla jaqilbu l-vot fis-Siġġiewi. Għalhekk il-PN ressaq il-proċeduri biex dawn in-nies jibqgħu jivvutaw fil-lokalitajiet fejn jgħixu u mhux fis-Siġġiewi.


Hi tkellmet dwar il-korruzzjoni tal-benefiċċji soċjali u qalet li l-ministru involut u Kastilja qed jippretendu li jitwemmnu meta jgħidu li ma kinux involuti. Dan meta kien il-gvern stess li ta lil-nies benefiċċju soċjali li ma kienx ħaqqhom biex jivvutaw lill-PL. Dan qed jirriżulta mix-xhieda li qed tingħata fil-Qorti. Dawn in-nies ma jridux jafu bil-PL iżda issa l-PL se jerġa’ jisraq il-vot tagħhom billi jagħtihom il-maħfra presidenzjali.


Il-gvern mhux iwieġeb kemm tneħħew voti lill-anzjani fid-djar għall-anzjani u fejn saru t-testijiet lill-anzjani u qed jaħbi l-verità. Hi qalet li kitbet lill-Kummissjoni Eelttorali u staqsiethom dwar dawn l-anzjani iżda għad m’għandhiex risposta. Jeħtieġ li ma jkunx hemm differenza bejn l-anzjani biex ikun assigurat li ma jkunx permess ebda abbuż fuq l-anzjani fil-ġurnata tal-elezzjoni, sostniet Paula Mifsud Bonnici.