Lokali

“Trid tara fil-kuntest li ntqal” – Falzon ma jiċħadx komunikazzjoni bejn Agius u Calleja

“Kemm idum il-Ministru hemm, aħna trouble ma jkollna qatt.“

Il-Ministru Michael Falzon skomdu għall-aħħar biex iwieġeb dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali tant li ma ċaħad ebda waħda mid-domandi li Net News staqsieh il-Ħamis waranofsinhar.

Fost l-oħrajn, stqasejna lil Falzon jekk Mark Calleja magħruf bħala l-Gulija, għadux jagħmel parti mit-tim tiegħu wara li ngħata position of trust fil-Ministeru, b’Michael Falzon ma jiċħadx. Għalkemm insista li din hija xi ħaġa “irrelevanti”. Dan filwaqt li ma ċaħadx ukoll li kien ilu jaf bl-allegazzjonjiet fil-konfront ta’ Calleja, għal tal-inqas din l-aħħar sena.

Ma jiċħadx li ilu jaf sena bl-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Mark Calleja

Fl-aħħar ġimgħat saru numru ta’ allegazzjonijiet b’mod insistenti mill-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li Calleja kien jirranġa l-kompożizzjoni tal-Bord Mediku biex ikun iggarantit li dawk li jkunu referuti jgħaddu żgur – bil-għan li jieħdu l-benefiċċji tad-diżabbiltà.

Roger Agius huwa l-eks xufier tad-Deputat Laburista, li jinsab akkużat flimkien, fost oħrajn, mal-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti, u li t-talbiet tiegħu biex jieħu l-istatus ta’ Whistleblower ġew injorati kompletament minn Robert Abela. Hu allega li għad hemm membri fil-Kabinett ta’ Abela li kienu kompliċi f’dan l-iskandlu ta’ frodi ta’ mill-inqas €6 miljun mit-taxxi tal-poplu.

Responsabbli mill-Ministeru direttament involut u ma jgħidx ħax sehem fid-deċiżjoni tal-proklama

B’rabta ma’ dan kollu, Net News staqsa lil Falzon jekk ħassux skomdu jiddeċiedi dwar il-proklama meta huwa jagħmel parti mill-Kabinett ta’ Abela – bil-Ministru Falzon jgħid li dak li jingħad fil-Kabinett tal-Ministri mhux se jkun qed jgħidu fuq barra.

Staqsejnieh ukoll  jekk jiċħadx l-allegazzjoni ta’ Agius li hemm membri tal-Kabinett involuti fl-iskandlu, b’Falzon jisħaq li jekk jikkummenta fuq l-allegazzjonijiet, ikun qed joħloq allegazzjoni huwa nnifsu.

Dan ifisser li ma eskludiex li hemm Ministri oħra involuti – l-istess bħal Robert Abela li ħareġ għonqu biss għal Michael Falzon.

Ma jiċħadx l-allegazzjoni ta’ Roger Agius dwar komunikazzjoni li rċieva

Intant, mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jinkwetahx li Roger Agius kellu komunikazzjoni ma’ Mark Calleja li kemm idum il-Ministru hemm, aħna trouble ma jkollna qatt, b’referenza għall-Ministru Michael Falzon, l-istess Falzon ma ċaħadx l-eżistenza iżda insista li trid tara fil-kuntest li ntqal.