Elezzjonijiet 2024 Lokali

Jiftaħ il-kampanja b’attakk ieħor fuq il-Qrati u s-sistema tal-ġustizzja

Il-Prim Ministru dalgħodu sejjaħ lill-media biex jaqra s-CVs tal-kandidati tiegħu għall-MEPs – kandidati li skont Robert Abela, se jaħdmu fuq dak li jemmen fih il-partit tiegħu.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Abela injora għalkollox l-isfidi tal-Maltin, u tkellem dwar il-gwerer, is-sovranità u n-newtralità. Iżda fuq kollox f’din il-konferenza spikka n-nuqqas ta’ Joseph Muscat li baqa’ ma ġiex approvat minn Robert Abela biex jikkontesta għall-Parlament Ewropew. Dan għaliex baxxa rasu għall-klikka żgħira ta’ Kastilja, b’riżultat li ħoloq ferment enormi fost il-klikka l-kbira ta’ Muscat.

Meta l-ġurnalisti staqsewh fuq il-miri tiegħu għall-MEPs, Abela għażel li ma jweġibx.

Mistoqsi dwar l-attakki tiegħu fuq il-ġudikatura u l-Qrati, il-Prim Ministru fl-ebda ħin ma irtira kliemu. Anzi, għażel li jibqa’ jattakka lis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna – tant li implika li l-ġudikaturi hi parti minn xi establishment. Robert Abela stqarr ukoll mal-media li hu ta aktar pagi lill-ġudikatura.

Robert Abela wasal biex qal li l-Inkjesta li ngħalqet dwar l-iskandlu tal-Vitals se tinfluwenza r-riżultat elettorali. Dan apparti li implika li l-ġudikatura flimkien ma’ nies li qed jaħdmu “fis-sigriet” se jaffettwaw l-eżitu tar-riżultat tat-8 ta’ Ġunju.