Basketball Sport

Kampjonat Bank of Valletta rġiel Play-offs: Starlites JSD u Mellieħa Libertas jibdew il-play-offs bir-rebħ

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD……………..81

Sigma Depiro……………76

(22-22)(21-14)(17-19)(21-21)

L-ewwel semifinali tal-play-offs marret favur ic-champions Starlites fi tmiem ta’ partita kumbattuta kontra Sigma Depiro. Starllites li kellhom vantaġġ ta’ 16 -il punt fit-tielet sessjoni, però kellhom isofru r-rimonta ta’ Depiro fl-aħħar taqsima biex il-partita baqgħet inċerta sat-tmiem.

Depiro fetħu l-partita bl-ewwel punti minn żewġ trippli ta’ Nenad Bukva u Sean Galea flimkien ma’ basket ta’ Kameron Rooks. Starlites kellhom risposta minn Kurt James, Alec Felice Pace u Christian Hinckson u għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro żammew vantaġġ ta’ sitt punti 16-10. Hawn Starlites għamlu run ta’ 9-2 biex marru minn fuq iżda punti minn Rooks u Miguel Brincat raw lil Depiro jippareġjaw 22-22. Fit-tieni perjodu, Starlites fetħu bi trippla ta’ James u komplew b’run ta’ 9-0 biex ħadu l-ewwel vantaġġ sostanzjali ta’ 10 punti 36-26. Depiro ġew lura bil-punti ta’ Rooks u Andrew Aquilina però Starlites daħlu jistrieħu 43-36 minn fuq.

Depiro reġgħu fetħu tajjeb wara l-intervall u naqqsu d-distakk għal basket bil-coach ta’ Starlites Paul Ferrante jgħajjat time-out. Dan wassal biex Starlites jagħmlu run ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Hinckson u trippla ta’ Scerri u fetħu vantaġġ massimu ta’ 16-il punt 58-42. Depiro però ma ċedewx u kellhom risposta b’run ta’ 13-2 bi trippli minn Cameron Cornelius u Miguel Brincat u reġgħu naqqsu d-distakk għal 5 punti 60-55. Ir-rimonta ta’ Depiro rathom jippareġjaw il-partita fil-ħames minuta tal-aħħar sessjoni bi trippla ta’ Andrew Aquilina 66-66. Hawn però Starlites urew karattru u għamlu run oħra ta’ 11-0 fejn kellom it-trippli ta’ Ian Felice Pace u James biex fl-aħħar żewġ minuti kienu 77-66 minn fuq. Trippla ta’ Bukva u punti ta’ Alfred Hollins ħallew lil Depiro jittamaw però kien għad fadal anqas minn nofs minuta biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 81-76.

Starlites JSD: A. Felice Pace 12, K. Fabri, C. Hinkson 17, M. Attard 2, S. Aquilina, I. Felice Pace 5, L. Riolo, M. Scerri 7 D. Craven 18, L. Farrugia, L. Riolo, N. Sultana, K. James 20.

SIGMA Depiro: S, Galea 5, N. Bozovic 2, A. Aquilina 6, N. Grech, A. Hollins 8, A. Micallef, K. Rooks 28, M. Brincat 3, M. Mallia 5, C. Cornelius 10, N. Bukva 9, M. Debattista.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Fanni Fabok

Mellieħa Libertas Spalding……….85

Athleta AtoZ Electronic……………69

(21-24)(29-15)(14-19)(21-12)

Mellieħa wkoll fetħu l-play-offs tagħhom b’rebħa meta għelbu lil Athleta AtoZ Electronics 85-69. Mellieħa rkupraw lil Vukassin Jandric f’dan l-istadju kruċjali tal-istaġun u kellhom lil Alexander Peacock b’waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun. Minn naħa tal-Athleta kellu wirja kwieta l-Amerikan Malik Riddle għalkemm kien hemm Piotr Stelmach li kellu 20 punt. Athleta kellom bidu mill-aqwa hekk kif għamlu l-ewwel disa’ punti tal-partita bi trippla ta’ Matthew Gouder flimkien ma’ żewġ baskets ta’ Dajuan Moorer. Mellieħa rkupraw u wara time-out bdew ġejjin il-punti tagħhom minn Kwame Thompson u Tederick Wolfe flimkien ma’ David Bugeja. Riddle għamel trippla għall-Athleta u żammew vantaġġ ta’ 8 punti 20-12. Mellieħa għalqu s-sessjoni bi break ta’ 9-4 però Athleta żammew vantaġġ ta’ 3 punti 24-21. Mellieħa bdew it-tieni perjodu bl-aqwa mod meta għamlu run ta’ 13-0 kollha minn Wolfe u Peacock u marru 10 minn fuq 34-24. Athleta finalment wieġbu permezz ta’ Riddle u Stelmach però Mellieħa kellom trippla minn Jandric. Athleta wkoll kellhom trippla minn Francesco Mifsud Bonnici, però Peacock kompla għaddej bil-punti ta’ Mellieħa biex daħlu jistrieħu 50-39 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin kontinwament biex il-vantaġġ ta’ Mellieħa baqa’ stabbli. Bigeka għamel trippla biex Mellieħa fetħu vantaġġ ta’ 15-il punt 64-49. Hawn Athleta għamlu 8 punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Stelmach għal skor ta’ 64-57. Fl-aħħar sessjoni Mellieħa reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 15-il punt u minkejja l-aħħar sforz minn Athleta fosthom trippla ta’ Stelmach, seba’ punti mingħajr risposta minn Mellieħa għalqu l-partita favur tagħhom fuq skor ta’ 85-69.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 23, D. Bugeja 10, R. Bonnici 4, V. Jandric 5, I. Bonett 8, R. Carabott, A. Peacock 22, K. Thompson 11, E. Valdespina, C. Mercurio 2.

Athleta: K. Fabri, M. Riddle 16, F. Mifsud Bonnici 4, N. Buhagiar, D. Moorer 12, M. Gouder 17, L. Borg, E. Abela, P. Stelmach 20, A. Garzia, A. Bozanic.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu.