Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa Play-offs: Caffè Moak Luxol jibdew il-play-offs b’rebħa

Colin Schembri

Starlites JSD…………………..40

Caffè Moak Luxol…………49

(14-13)(10-15)(9-6)(7-15)

Caffè Moak Luxol bdew is-semifinali tal-play-offs b’rebħa fuq ic-Champions Starlites JSD 49-40. Il-partita kien fiha fażijiet differenti fejn il-vantaġġ inbidel għal disa’ darbiet bil-Luxol ikollom mument importanti fl-aħħar taqsima. Luxol adottaw difiża stretta fuq players important ta’ Starlites bħal Mikela Riolo u l-Amerikana Paige Cannon. Min-naħa l-oħra, Starlites ikkontrollaw lil Tayler Bennett li però kienet kważi perfetta mill-free-throw line fejn għamlet 15 minn 17. Wara li Bennett għamlet l-ewwel punti għal Luxol, Starlites wieġbu bi break ta’ 12-4 fejn bdew bi trippla ta’ Andie Saliba u komplew bil-punti minn Steffi De Martino u Michela Zammit Cordina. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Nolene Vella però basket ta’ De Martino ħalla lil Starlites fuq quddiem fi tmiem l-ewwel sessjoni 14-13.

Fit-tieni perjodu, Luxol bdew bil-punti ta’ Bennett li però kella tinbidel wara li kkomettiet it-tielet foul tagħha. Għal Starlites kien hemm risposta minn De Martino b’Mandi Mercieca twieġeb għal Luxol. Starlites kellom trippla oħra minn Saliba iżda kienu Luxol li daħlu jistrieħu fuq quddiem 28-24.

Wara l-intervall, Starlites bdew b’sitt punti mingħajr risposta minn Zammit Cordina u Cannon. Luxol kienu limitati għal sitt punti biss f’din is-sessjoni li ġew minn Bennett u Josephine Diaby però kienu biżżejjed biex iżommu vantaġġ ta’ punt 34-33.

Fl-aħħar taqsima, Luxol komplew b’ħames punti mingħajr risposta minn Bennett u Sarah Fenech Pace. Starlites waqqfuhom b’baskets minn Christina Curmi u Saliba, però Bennett wieġbet bi trippla għal Luxol flimkien ma’ sensiela ta’ free-throws. Cannon ukoll kellha żewġ punti għal Starlites però huma ma rnexxilhomx isalvaw il-partita biex Luxol ħarġu rebbieħa 49-40. It-tieni semifinali hija skedata għal Ħadd 5 ta’ Mejju, fis-siegħa ta’ wara nofsinhar.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 7, M. Riolo, A. Saliba 10, M. Fenech, M. Bonett, S. De Martino 12, P. Cannon 7, P. Riolo, M. Sciberras, C. Cilia, C. Curmi 3.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 24, M. Mercieca 4, L. Fenech Pace, H. Galea, N. Vella 5, E. Abela, S. Fenech Pace 7, J. Diaby 7, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia, A. Fenech Pace 2.

Referees: Gordon Barbara, Nelson Da Silva, Daniel Farrugia