Lokali Mużika

Kanzunetta ddur mad-dinja… qabel ma toħroġ

Fl-era diġitali, m’għadx hemm bżonn li wieħed ikun fl-istess kamra biex jaħdem ma’ ħaddieħor fuq proġett. Eżempju ċar ta’ dan huma l-kollaborazzjonijiet mużikali li aktar u aktar ta’ spiss qed iseħħu bejn artisti li joqogħdu mili ‘l bogħod minn xulxin.
Il-kanzunetta ġdida ‘From The Heart’, li għada kemm ħarġet fuq il-pjattaformi digitali ewlenin, hija kollaborazzjoni ta’ dan it-tip. Miktuba mill-awtur Malti Michael Piscopol-awtur Malti Michael Piscopo, u komposta mill-mużiċista Daniż Mads Granum, hija interpretata minn Emilie Schiøtt, li hija ukoll mid-Danimarka. Schiøtt ħarġet diversi albums ta’ suċċess u għandha ‘l fuq minn 800,000 semmiegħ fix-xahar fuq Spotify biss.

L-awtur Malti Michael Piscopo


Michael qalilna li l-kollaborazzjoni bdiet meta wieġeb għal talba għall-kittieba tal-lirika li dehret fuq sit apposta. Minn dakinhar, kollox sar permezz tal-email u l-internet. “Il-kollaborazzjoni fuq dan l-ewwel proġett mexa ħarir, minkejja d-distanza u l-fatt li Mads jgħix fi New Zealand fejn id-differenza tal-ħin hija ta’ 12-il siegħa. Għalkemm għadna qatt ma ltqajna wiċċ imb wiċċ, inħoss li sirna nafu ‘l xulxin sew matul dawn ix-xhur, kemm bħala artisti u kemm bħala bnedmin.”

Daniż Mads Granum
Mads spjega li din il-kanzunetta se tagħmel parti minn album dwar it-tama li qed jaħdem fuqu bħalissa. ‘It-tama hija tant importanti, speċjalment fiż-żminijiet imqallba tal-lum. Kemm jekk wieħed qed jiffaċċja problemi personali, kwistjonijiet serji ta’ saħħa, jew ħajja f’zona ta’ gwerra, it-tama hija ħaġa li żgur ma nistgħux ngħaddu mingħajrha.”
Il-kanzunetta fuq still pop-folk u b’laqtiet jazz titratta t-tema ta’ kemm hu importanti li wieħed ikollu t-tama f’qalbu; li minkejja d-diffikultajiet, l-affarijiet jistgħu jaqilbu għall-aħjar u li s-saħħa biex wieħed ibiddel ir-rotta tinsab ġo fina stess.
Minbarra Malta, New Zealand u d-Danimarka, aktar pajjiżi kienu ‘involuti’ f’din il-kollaborazzjoni internazzjonali, bis-sehem tal-kitarrist Simone Boffa mill-Italja u d-drummer Amerikan Stacey L. Sydnor, u l-mastering li sar ġewwa studio professjonali fil-belt ta’ Nashville, fl-Istati Uniti tal-Amerika.
‘From The Heart’ tinsab fuq Spotify, Apple Music, YouTube u pjattaformi mużikali oħra.