Lokali Qorti

Mixli li ħebb għal missieru u weġġa’ lil ħuh

Carl Pantalleresco ta’ 36 sena residenti l-Fgura, wieġeb mhux ħati li ħebb għal missieru u ħuh u kkaġuna ġrieħi ħfief fuq ħuh. L-Ispettur Colin Sheldon qal li l-Erbgħa, il-vittmi rrappurtaw mal-Pulizija fl-Għassa ta’ Santa Luċia, illi l-akkużat ħebb għalihom u kkaġuna feriti lil ħuh wara argument fir-residenza tal-familja dwar xi flus.

Mal-pulizija, missier l-akkuzat qal li ibnu kien ilu jixrob għal sigħat twal u talbu l-flus biex jixtri s-sigaretti. Qal ukoll, li l-akkużat mar jixtri aktar xorb minflok is-sigaretti u dan wassal għal argument bejn l-akkużat, ħuh u missieru.

L-Ispettur qal ukoll li fuq il-post l-akkużat beda jkisser l-għamara tad-dar. Kien għalhekk li l-Pulizija ħadet lir-raġel fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana fejn aktar tard ġie ċċertifikat li kien xurban. F’dan l-istadju, id-difiża ddikjarat li mhux qed titlob għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet sabiex l-imputat jinżamm fis-sezzjoni tal-ħabs fl-Isptar Monte Carmeli.

Dan minħabba l-kundizzjoni medika li hu jbati minnha. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba. Il-Qorti laggħet it-talba għat-trasferiment u żamma tal-imputat fl-Isptar Monte Carmeli sakemm jibqa’ taħt arrest preventiv.