Ekonomija Lokali

NIŻVELAW: It-taħwid fil-prezzijiet tas-suppost skema tal-istabbiltà

Ħafna konsumaturi ilhom xhur sħaħ jinnutaw li x-xirja tagħhom baqgħet l-istess. U li mhux veru li bl-iskema tal-Gvern raw xi roħs sostanzjali.

Nies li tkellmu ma’ Net News qalulna li x-xirja bażika tagħhom baqgħet fl-istess ilma jew inkella kompliet togħla. Dan għaliex il-prezzijiet baqgħu jisparaw ‘il fuq.

Minkejja dan, il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ħoloq price war – fejn stabbilimenti għaddejin fi gwerra bejn min minnhom (skont Robert Abela) iraħħas l-aktar.

Iżda l-fatti juru mod ieħor. Ritratti mibgħuta lil dan is-sit juru kif bott tal-kafè li suppost żamm l-istess prezz, għandu prezzijiet differenti minn żewġ stabbilimenti kummerċjali differenti. Dan ifisser li mhux veru hemm l-istabbiltà li wiegħed il-Prim Ministru. U dan, fuq prodott wieħed biss!

Diversi familji li għamlu kuntatt magħna spjegaw kif anke huma esperjenzaw prezzijiet varji u “taħwid” f’din is-suppost skema. Iżda aktar importanti minn hekk huwa l-fatt li fl-aħħar tax-xahar, ix-xirja kompliet togħla.