Kummerċ Lokali

Studenti Maltin juru l-ħiliet finanzjarji tagħhom fil-European Money Quiz

Ryan Vella u Amy Pizzuto

Amy Pizzuto, studenta ta’ St. Joseph School, f’Tas-Sliema, u Ryan Vella li jattendi De La Salle
College, kienu fost iż-żgħażagħ Ewropej li kkompetew fil-finali tal-European Money Quiz 2024 li
kienu organizzati mill-Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF).
Iż-żewġ studenti kellhom il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni tagħhom sponsorjati mill-Assoċjazzjoni tal-
Bankiera Maltija (MBA), hekk kif irrappreżentaw lil Malta u ngħaqdu ma’ delegazzjonijiet
nazzjonali oħra ta’ adoloxxenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena, champions mill-pajjiżi rispettivi
tagħhom, li ltaqgħu Brussell għaċ-ċans li jirbħu t-trofew prestiġjuż Ewropew.
Amy u Ryan spiċċaw fir-raba’ post wara li tilfu t-tielet post bi ftit punti biss – l-ogħla klassifika li
qatt kisbu l-kompetituri Maltin matul l-erba’ snin li l-istudenti tagħna ħadu sehem fil-European
Money Quiz.
Amy u Ryan ġew innominati bħala r-rappreżentanti ta’ Malta wara li rebħu kwizz nazzjonali li
kien organizzat u appoġġjat mill-MBA bħala parti mill-European Money Week, b’kollaborazzjoni
mad-Dipartiment tal-Accounting u l-Business Studies fi ħdan id-Direttorat għall-Progammi STEM
U VET tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA, Karol Gabarretta, ikkummenta: “Il-kompetizzjoni nazzjonali
tagħna kellha parteċipazzjoni notevoli, riflessjoni tal-fokus fuq l-edukazzjoni finanzjarja f’Malta u
madwar l-Ewropa, li qieghda dejjem tikber. Amy u Ryan tassew għamluna kburin fil-
European Money Quiz, u wrew l-entużjażmu taż-żgħażagħ tagħna biex jitgħallmu u jiksbu ħiliet
finanzjarji. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon għall-MBA li jara inizjattivi bħal dawn iħallu l-frott.

Il-parteċipanti ta’ diversi pajjiżi

Din is-sena, il-European Money Quiz kellu numru rekord ta’ parteċipanti f’diversi pajjiżi,
b’madwar 36,000 żagħżugħ minn 2,200 skola jipparteċipaw f’rawnds nazzjonali madwar l-
Ewropa. L-inizjattiva mnedija mill-EBF fl-2017 għandha l-għan li tgħammar liż-żgħażagħ
b’għarfien finanzjarju essenzjali u trawwem ġenerazzjoni ta’ nies li huma finanzjarjament
responsabbli.