Kummerċ Lokali

Workshops għall-familji li qed jaffaċċjaw diffikultajiet

Sfidi jinkludu mġiba diffiċli, diżabbiltà u mard

Kif tista’ tikkontrolla sitwazzjoni meta wieħed minn uliedek ikun qed juri
mġiba diffiċli? Kif għandek tapplika d-dixxiplina ma’ tifel jew tifla li jkollhom ADHD
jew l-Awtiżmu? Kif tista’ tikkollabora aħjar mal-iskola fejn imorru dawn it-tfal?
Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li se jkunu diskussi waqt serje ta’ ħames laqgħat
ta’ diskussjoni għal ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal li bħalissa qed ibatu biex
irabbu lit-tfal u l-adolexxenti tagħhom, speċjalment jekk dawn għandhom l-ADHD jew
l-Awtiżmu.


Building Bridges hija inizjattiva ta’ Ronald McDonald House Charities (RMHC) Malta
Chapter li se tkun organizzata ġewwa ċ-Ċentru ta’ Tagħlim tagħha fil-Qawra. 
Is-sessjonijiet, li se jitmexxew minn Psikoterapista tal-Familja, se jsiru nhar ta’
Ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm nhar it-3 ta’ Mejju, l-14 ta’ Ġunju, il-5 ta’ Lulju, it-13 ta’
Settembru u fl-4 ta’ Ottubru. 

Kull min huwa interessat jista’ jirreġistra u qed tintalab donazzjoni ta’ €10 għal kull
persuna jew €15 għal kull koppja li tattendi.
 
Sadattant, wara s-suċċess tas-sena l-oħra, RMHC għal darb’oħra qed torganizza
wkoll SibShops, workshops għall-aħwa ta’ dawk it-tfal b’mard kroniku jew b’diżabbiltà
nhar is-27 ta’ Lulju u nhar is-7 ta’ Settembru bejn is-2pm u s-6pm. 


Matul dawn il-workshops, it-tfal se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ aħwa oħrajn
li bħalhom, qed jesperjenzaw l-istess diffikultajiet u se jkollhom attivitajiet ta’
divertiment li għandhom jgħinuhom iħossuhom iżjed kapaċi u mifhuma.

SibShops instabet utli speċjalment fost dawk il-familji bi tfal li għandhom bżonn
għajnuna speċjali. Ħut dawn it-tfal ħafna drabi jgħixu dawn l-isfidi wkoll u jkollhom
bżonn jitgħallmu jgħixu fid-dell tad-diżabbiltà u jrabbu saħħa biżżejjed biex jgħixu d-
dinamika partikolari tal-familji tagħhom. 

Tfal ta’ bejn is-7 u l-10 snin u dawk bejn il-11 u l-14-il sena jistgħu jirreġistraw għal SibShops.
.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Malta Chapter ta’ RMHC, Stephania Dimech Sant qalet: “Din
is-sena qed niċċelebraw il-50 anniversarju mit-twaqqif tar-RMHC li kienet ġiet
imwaqqfa f’Philadelphia fl-Istati Uniti. Għalhekk inħossuna iżjed motivati
sabiex inwasslu l-għajnuna lura lill-komunitajiet tagħna u li nħallu legat importanti
għas-snin li ġejjin.”