Lokali

Żewġ karozzi jinħakmu minn nirien fil-Ħamrun

Ħadd ma ndarab f’inċident fejn żewġ vetturi nħakmu minn nirien fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu, fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ fi Triq Mountbatten hekk kif kelliema għall-Korp tal-Pulizija spjegaw ma’ Net News li karozza misjuqa minn raġel ta’ 32 sena minn Tal-Pietà, ħabtet ma’ vettura pparkjata u sussegwentament il-karozzi nbelgħu minn nirien.

Fil-post ġew imsejħa membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija.

Fortunatament is-sewwieq ħareġ waħdu mill-karozza, bil-kelliem għal Pulizija jispjega li mhux qed jiġi eskluż li l-karozza li kienet qed tinstaq inħakmet mill-fjammi qabel.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.