Kummerċ Lokali

Debono Group jiċċelebra aktar minn sittin sena ta’ sħubija ma’ Toyota

Debono Group iċċelebra aktar minn sittin sena ta’ sħubija ma’ Toyota – sħubija li ħalliet marka mhux biss fuq is-settur awtomobilistiku Malti iżda wkoll fuq dakEwropew, u tat xhieda ta’ reżiljenza u ta’ suċċess intraprenditorjali straordinarju.


Dan l-anniversarju ġie ċċelebrat dan l-aħħar permezz ta’ attività li saret fix-showroom ta’ Michael Debono Limited, f’Ħaż-Żebbuġ . Għal din l-attività attendew il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap Eżekuttiv ta’ Toyota Motor Europe Yoshihiro Nakata, u Scott Thompson, President u Direttur Maniġerjali ta’ Toyota GB, li ngħaqdu mal-familja Debono biex jonoraw il-legat tagħhom filwaqt li jħarsu ‘l quddiem għas-snin li ġejjin.


Is-sħubija bejn Debono Group u Toyota taf il-bidu tagħha lil Michael Debono, li fl-1960 importa u biegħ karozza Toyota Crown, l-ewwel vettura Toyota li qatt inbiegħet fl-Ewropa, u żera’ ż-żerriegħa tal-istorja tas-suċċess ta’ Debono Group f’Malta kif ukoll tat-Toyota fis-suq Ewropew.


F’kumment dwar il-legat tal-familja, il-Kap Eżekuttiv ta’ Debono Group Geoffrey Debono stqarr: “Waqt li nagħti ġieħ lill-ħidma u l-viżjoni tan-nannu u ta’ missieri, kif ukoll lil ommi li kienet strumentali biex in-negozju tagħna jgħaddi b’suċċess għall-ġenerazzjoni attwali, nixtieq nenfasizza l-valuri tax-xogħol iebes, tad-dedikazzjoni, u tar-rieda li nixprunaw bidla pożittiva. Dawn huma l-prinċipji li wasslu għal-legat tagħna, ikomplu jispirawna llum, u jiggwidaw il-futur tagħna.”


Geoffrey Debono tkellem ukoll dwar is-sħubija ta’ suċċess ma’ Toyota: “Din is-sena, Toyota kienet uffiċjalment iddikjarata l-iktar marka tal-karozzi li tinbiegħ f’Malta għas-sitt sena konsekuttiva. Is-suċċess kemm ta’ Debono Group kif ukoll ta’ Toyota huwa mibni fuq il-pedament tal-valuri ewlenin tat-Toyota —titjib kontinwu, l-aqwa kwalità, u l-ispirtu ta’ bidla pożittiva permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi, bħall-mudelli ibridi li jiċċarġjaw lilhom infushom, garanzija unika u offerti ta’ ħlas flessibbli. Il-ħsieb fit-tul u r-responsabbiltà soċjali profonda ta’ Toyota mhux biss wasslu għal suċċessi fiż-żmien immedjat, iżda wittew it-triq għal soluzzjonijiet fit-tul li jibbenefikaw lill-kumpanija, lill-ambjent u lis-soċjetà.”


Biex tonora r-relazzjoni fit-tul bejn Toyota u Debono Group, il-President u Direttur Maniġerjali ta’ Toyota Great Britain, Scott Thompson, ippreżenta lil Geoffrey Debono plakka kommemorattiva bħala rikonoxximent tas-60 sena ta’ servizz eċċellenti ta’ Debono Group lil Toyota. Ġew ippreżentati wkoll tifkiriet kommemorattivi mis-Sinjura Therese Debono lill-mistiedna distinti.


Debono Group ħabbar ukoll kapitlu ġdid fil-vjaġġ tiegħu – l-isponsorizzazzjoni tal-atleta Paralimpika Maja Theuma li għadha kif ġiet ikkonfermata b’suċċess mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali għall-avveniment tal-klassi 50m S6 u se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi. Maja tingħaqad ma’ Debono Group bħala l-Brand Ambassador ġdida u xempju tal-inizjattiva ‘Mobility for all’.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-anniversarju ta’ sħubija bejn Debono Group u Toyota kienet fużjoni vibranti tal-kultura Maltija u Ġappuniża, fejn it-tradizzjonijiet ta’ Malta u l-Ġappun kienu riflessi fl-armar u fid-delikatezzi tal-ikel miż-żewġ pajjiżi li ġew servuti lil dawk kollha preżenti.


Fl-isfond tal-avveniment kien hemm ukoll l-ewwel Toyota Crown li nġiebet f’Malta minn Michael Debono, simbolu tal-konnessjoni mal-passat u l-wirt li Debono Group jaspira li jġorr ‘il quddiem bl-istess determinazzjoni u viżjoni ċara.